Lokali
FILMAT: tliet Rumeni jinżammu arrestati wara li ġew mixlija b’reati ta’ pickpocketing fuq karozzi tal-linja

Il-Pulizija kissret ċirku ieħor ta’ kriminalità organizzata minn barranin f’Mata. Ir-reat jinvolvi l-pickpocketing… serq b’ħeffa kbira minn fuq persuni f’postijiet pubbliċi.

Dwar dan il-każ il-Pulizija arrestat tliet irġiel mir-Rumanija Theodor Dumitrescu ta’ 54 sena li jaħdem bħala xufier, Marian Tenescu ta’ 40 sena li jaħdem bħala fitter u lil Vasilica Ionel Harabagiu ta’ 39 sena li jaħdem bħala parrukkier.

Fil-qorti ngħad li t-tliet akkużati kienu allegatament involuti f’sensiela ta’ serqiet f’postijiet turistiċi madwar l-Ewropa li jmorru għall-2010.

Il-Pulizija qalet ukoll li qabel ħallew Malta, l-irġiel kienu involuti f’għadd ta’ serqiet matul is-sajf li għadda.

Huma tressqu l-qorti l-Ergħa filgħodu fejn wieġbu mhux ħatja ta’ akkużi ta’ pickpocketing marbuta ma’ serq li seħħ fuq karozzi tal-linja fl-aħħar ġimgħat ta’ Ġunju u bidu ta’ Lulju li għadda.

Il-Pulizija Maltija ħadmet id f’id mal-Europol, l-Interpol u aġenzija oħra tal-inforzar f’pajjiżi oħrajn bil-għan li jillokalizzaw lit-tliet irġiel. Fil-fatt huma rnexxielhom mhux biss jistabbilixxu l-istorja tagħhom, iżda wkoll jintraċċaw kull moviment li bdew jagħmlu.

Fil-fatt permezz tal-‘Intelligence-Led-Policing’ sar magħruf li l-irġiel kienu se jerġgħu jiġu Malta t-Tnejn li għadda waranofsinhar b’titjira minn Budapest fl-Ungerija.

Il-Prosekuzzjoni qalet li mal-wasla tagħhom f’Malta, l-irġiel ma telfux ħin u mill-ewwel middew idejhom għax-xogħol u serqu bosta oġġetti mill-ajruport fosthom roll-on deodorant u toothbrush.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni biex jiġu ffriżati l-assi tal-akkużati.

L-irġiel inżammu arrestati wara li l-akkużati ddikjaraw li m’għandhomx indirizz fiss f’Malta.