Qorti
Il-Pulizija tressaq tliet persuni l-Qorti b’akkużi ta’ ħasil ta’ flus

Illejla l-Pulizija ressqet il-Qorti tliet persuni u akkużatahom b’ħasil ta’ flus.

Gordon Debono ta’ 46 sena u martu Yvette Debono ta’ 45 sena residenti Marsaskala qalu li huma ma jaħdmux u wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom. Il-Qorti ordnat l-iffriżar tal-assi tal-koppja Debono u ta’ ħdax -il kumpanija li huma involuti fihom. Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u l-koppja qed tinzamm arrestata.

Illejla wkoll il-Pulizija ressqet il-Qorti b’akkużi simili ta’ ħasil ta’ flus lil Shawn Higgins ta’ 36 sena residenti Raħal Ġdid li  allegatament hu mdaħħal fin-negozju ma’ Gordon Debono.

Tliet snin ilu Gordon Debono kien ġie arrestat l-Italja flimkien mas-sieħeb fin-negozju, Darren Debono u l-militant Libjan, Fahmi Ben Khalifa fuq suspetti li kienu jiffurmaw parti minn ċirku internazzjonali multi-miljunarju ta’ kuntrabandu ta’ fjuwil b’rabtiet mal-mafja Taljana u gruppi armati Libjani.

Jumejn ilu żewġ ex plejers tal-futbol ukoll tressqu l-Qorti akkużati b’ħasil ta’ flus u kuntrabandu ta’ fjuwil. Huma qed jinżammu l-ħabs wara li t-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda. Fl-aħħar sigħat, anke l-Avukat Arthur Azzopardi ġie interrogat mill-Pulizija fuq allegat rabtiet mal-istess ċirku u ġie rrapportat li jinsab fuq police bail.