Pulizija
Il-Pulizija twissi biex ma jitħallewx basktijiet jidhru fil-karozza

Il-Pulizija qed twissi lill-pubbliku biex ma jitħallewx basktijiet jidhru fil-karozzi għax jattiraw iktar lill-ħallelin.

L-appell sar mill-pulizija tal-komunità tal-Mellieħa wara ronda fl-inħawi bħala parti mill-ħidma tagħhom fil-lokalità.

Fuq il-mezzi soċjali huma tellgħu żewġ ritratti li fihom jidhru handbags tan-nisa fuq is-seats ta’ quddiem tal-karozzi.

Huma qalu li dawn juru n-nuqqas ta’ attenzjoni tal-pubbliku ġenerali lejn il-kriminalità u rrimarkaw li hemm bżonn ta’ iktar attenzjoni biex din tonqos.

Din hija waħda minn diversi inizjattivi li qed tieħu l-Pulizija biex tagħmel lin-nies iktar konxji ta’ dak li jattira lill-ħallelin.

Ftit tal-jiem ilu l-pulizija waħħlu tabelli ma’ basktijiet fuq ix-xtut li ma kinux magħluqin biex iħeġġu lin-nies jagħlquhom ħalli jattiraw inqas l-għajn.