Lokali
“Il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira għandhom tendenza li jirrendu r-reliġjon f’karnival”- l-Isqof Mario Grech

Tlett ijiem qabel eluf ta’ kattoliċi jieħdu sehem fil-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li huwa tal-fehma li dawn għandhom tendenza li jirrendu r-reliġjon f’karnival u staqsa jekk wasalx iż-żmien li dawn jibdew isiru f’ġurnata oħra u fil-Ġimgħa l-Kbira jsir pellegrinaġġ wara s-salib. Intervistat fil-programm Dissett, l-Isqof Grech tkellem fuq diversi temi fost l-użu tal-kurċifiss fil-ġuramenti fil-qrati, l-abbużi tal-kleru, l-abort u l-IVF fost oħrajn.

L-Isqof Mario Grech esprima l-fehma li f’ħafna drawwiet tal-Ġimgħa l-Kbira fiha aktar reliġjożità milli twemmin.

“Illum għandna min jagħmel il-kostum, u meta tgħid kostum, fejn imur il-ħsieb tiegħek biex imur minn pruċissjoni għall-oħra, imma dan jagħmel sens? U jien esprimejt din ix-xewqa, tridx fil-Ġimgħa l-Kbira ma nagħmlux minn dan ir-reċtar, pageants u minflok nitrasferuhom għal ġurnata oħra u fil-Ġimgħa l-Kbira nagħmlu purċissjoni wara l-Kurċifiss, għax il-Kurċifiss huwa kollox”qal Mons. Grech.

Intervistat f’Dissett, l-Isqof Grech wera ruħu kontra l-użu u l-abbuż tal-kurċifiss fil-ġuramenti fil-qrati.

“M’għandi l-ebda rbit ma’ din il-prassi. Jiena ngħid li l-persuna għandha titwemmen għax hi sinċiera għax hija awtentika. Issa jekk m’intix awtentiku tista’ ġġib elf xhud u ġġib lil Alla xhud u xorta tkun giddieb” qal Mons. Grech.

Dwar id-drittijiet ġodda mogħtija lill-koppji tal-istess sess, l-Isqof Grech qal li hu laqa’ dan b’sodisfazzjon.

“Almenu l-persuni omosesswali għandhom id-dritt li ma jkunux iġġudikati għax aħna konna wisq niġġudikaw. Il-bniedem li huwa tant kumpless kif nista’ niġġudikah? Għandhom dritt li jiġu rrispetati, gaħndhom dritt għall-fedeltà u għandhom dritt għal dak kollu li jixirqilhom bħala koppja” qal Mons. Grech.

Fil-programm l-Isqof Grech jitkellem fuq bosta temi oħra fosthom l-abort u l-IVF u l-abbużi mill-membri tal-kleru.

Dissett jixxandar illejla fuq TVM fl-10.10pm