Qorti
Il-pussess ta’ 2 armi tan-nar, droga u sewqan perikoluż iwassluh għal 6 xhur ħabs

James Grima ta’ 44 sena ġie kkundannat sitt xhur ħabs wara li nstab ħati li kellu fil-pussess tiegħu żewġ armi tan-nar mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija, li għamel ħsara fuq karozza privata, b’sewqan perikoluż, b’pussess ta’ droga u li huwa riċediv.

Mill-Qorti ħareġ li l-pulizija kienet ilha ssegwi każ ta’ droga mill-2012 u dan wasal għall-arrest tal-akkużat f’Awwissu tal-istess sena. Ħareġ li mill-investigazzjonijiet tal-pulizija nstab li Grima kien jiffrekwenta razzett fejn instabu basktijiet bid-droga eroina u kokaina, żewġ armi tan-nar u flus kontanti.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri wara li kkunsidrat in-natura tar-reati, ix-xhieda fosthom ta’ psikjatra li kien ilu jsegwi lill-akkużat mill-2008 u qal li wara li kien arrestat qabad triq aħjar, ikkundannat lill-akkużat għal terminu minimu ta’ sitt xhur ħabs.