Lokali
Il-qabdiet tad-droga f’Malta jilħqu rekord – x’qed jiġri?

Anke jekk is-sena fadlilha xahrejn u nofs biex tintemm, il-qabdiet ta’ droga li saru din is-sena mill-pulizija u mill-uffiċjali tad-dwana huma rekord. Fost il-qabdiet kbar: 300 kilo kokaina nstabu f’kontejner fil-Freeport; 12-il kilò eroina fi trakk li wasal minn Sqallija; u 70 kilò reżina tal-kannabis li tniżżlu minn fuq powerboat fl-Għadira.

Meta tqabbel ma’ sena ilu, il-piż tad-droga maqbuda jitkellem waħdu. Fl-investigazzjonijiet dwar traffikar ta’ droga, fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena ġew arrestati 112-il persuna, bi ftit aktar min nofshom diġà tressqu l-qorti mixlija bi traffikar.

Mistoqsi jekk bid-droga li nqabdet ifissirx li Malta hi mifqugħa bid-droga għax ħafna oħra ma tinqabadx, l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija, Dennis Theuma, irribatta b’qawwa konklużjonijiet ta’ dan it-tip.

“LE mifqugħa le. Tgħidli dawn l-qabiet? Dawn il-qabdiet ifissru li l-Pulizija qed tagħmel xogħolha. Imma l-problema se tissolva? Hemm problemi ma jissolvewx,” tenna l-Assistent Kummissarju,.

Saħaq li d-droga hija negozju bi qligħ kbir u hemm min lest jieħu riskji kbar anke jekk Malta għandha liġijiet u pieni meqjusa bħala ħorox ħafna. “Is-saħħa ta’ dawn il-persuni li jsiru sinjuri mid-droga huma dawk l-istess vittmi li mhux kapaci jieqfu jew ma jridux jieqfu. Dawk qed jissostanzjaw il-qligħ u s-suq għalihom. Jekk ħadd ma jsaqsi għad-droga, ma jkunx hemm skop għaliex timportaha. Sakemm hemm id-domanda hemm is-supply. Mhux qed ngħidlek m’hawnx droga. Id-droga ssibha f’kull pajjiż.”

L-Assistent Kummissarju qal li jista’ jassigura ħaġa waħda: li l-Pulizija trid tibqa’ għaddejja bil-ġlieda kontra d-droga: tgħin lil min għandu l-vizzju u tiggwidah għas-servizzi ta’ entitajiet li jaħdmu mal-vittmi tad-droga waqt li tagħmel l-almu tagħha biex twaqqaf droga li dieħla Malta u tressaq quddiem il-ġustizzja lil min jittraffika.

“Aħna nkomplu niġġieldu u min jiġi warajja jibqa’ jiġġieled għax id-droga ma tagħmilx ġid, ta l-ebda tip. L-uniku ġid li tagħmel hu fil-but ta’ dawk li jużawha biex isiru sinjuri fuq il-miżerja u s-sofferenza ta’ ħaddieħor. Dak mhux ġid assolutament,” sostna l-Assistent Kummissarju.

F’moħħ is-Sur Theuma, ċar għaliex il-Pulizija ma tistax tintelaq. “Overdoses ta’ droga jiġru, u d-droga tista’ toqtlok b’ħafna modi – mejjet mejjet, mejjet soċjalment, emottivament.”

Qal li d-droga tinstab f’kull lokalità u daqstant ieħor ħidmet l-iskwadra hu mifrux mal-pajjiż kollu, b’postijiet fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ bħal Paceville l-aktar fil-mira ta’ min irid imexxi d-droga.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Ġuvni ħelisha ħafif wara li l-vann li kien qiegħed isuq dalgħodu baqa’ dieħel ġo ħajt bil-konsegwenza li niżel f’għalqa. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7.00 ta’ dalgħodu fi Triq Ħal Qormi, f’Ħal…

Lokali

Il-Maġistrat Anthony Vella ġie assenjat mill-Prim Imħallef biex imexxi l-inkjesta fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. F’deċiżjoni li tat kmieni dalgħodu, il-Maġistrat Scerri Herrera irrikużat ruħha mill-inkjesta u qalet li l-ġustizzja…

Lokali

Iben Daphne Caruana Galizia, Matthew Caruana Galizia, iddeskriva b’mod grafiku dak li ra wara l-isplużjoni li ħalliet lil ommu mejta lbieraħ. Is-Sur Caruana Galizia kien l-ewwel wieħed fuq ix-xena peress…

Lokali

Ħarsa lejn il-ġurnali ppubblikati llum, it-Tlieta 17 ta’ Ottubru: Il-faċċata ta’ kull ġurnal ippubblikat illum hija ddominata mill-qtil tal-ġurnalista u blogger Daphne Caruana Galizia lbieraħ wara nofsinhar fi splużjoni qawwija…

Aktar