Barranin
Il-qagħda fil-Libja sejra mill-ħażin għall-agħar, 25 maqtula u 80 midruba

Is-sitwazzjoni fil-Libja sejra mill-ħażin għall-agħar, u skont in-Nazzjonijiet Magħquda madwar tliet elef persuna kellhom jaħarbu minħabba l-ġlied qalil qrib il-kapitali, Tripli. Qed ikun irrappurtat li mill-inqas 25 persuna nqatlu u mat-tmenin oħra indarbu.

Il-Ħamis li għadda l-qawwiet leali lejn il-Ġeneral Khalifa Haftar bdew offensiva biex jieħdu kontroll ta’ Tripli li sa issa hi mmexxija minn Gvern rikonoxxut internazzjonalment li għandu l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Il-Libja qed terġa’ tinfena fil-kaos u fi kliem Fayez Al Sarraj, li hu rikonoxxut internazzjonalment bħala Prim Ministru tal-Libja, “il-pajjiż qed jesperjenza ċirkostanzi eċċezzjonalment perikolużi”. Huwa akkuża lil Ġeneral Khalifa Haftar – li jikkontrolla l-Lvant tal-pajjiż – li qed jipprova jwettaq kolp ta’ stat.

Fl-aħħar sigħat l-ajruport ta’ Mitiga li kien l-uniku wieħed li għadu jaħdem fi Tripli kellu jingħalaq wara attakk mill-ajru x’aktarx mill-forzi li jappoġġjaw lil Ġeneral Khalifa Haftar li għandu kontroll tal-Lvant tal-pajjiż u fl-aħħar ftit jiem beda offensiva biex jieħu kontroll tal-Kapitali.

Il-Ministeru tas-Saħħa Pubblika qal li mill-inqas 25 persuna nqatlu u 80 oħra indarbu fosthom persuni pajzana. In-Nazzjonijiet Magħquda kienet appellat biex ikun hemm waqfien mill-ġlied għal sagħtejn biex il-vittmi u r-residenti jiġu evakwati, iżda l-ġlied baqa’ għaddej.

F’Ras Imbras li jixxandar fuq TVM, Mark Micallef mit-think tank internazzjonali ‘Global Initiative’ qal li l-ewwel indikazzjonijiet ta’ dan il-kunflitt ma jawgurawx tajjeb. “Jista’ jkun li naraw xi ħaġa simili għal dak li konna rajna fl-2014, u allura jekk jiġri hekk Alla ħares qatt għax qed nitkellmu fuq Tripli, ma ninsewx li Tripli qatt ma rajna kunflitt urban mifrux.”

Skont in-Nazzjonijiet Magħquda madwar 2,800 persuna ħarbu minħabba l-ġlied tal-aħħar jiem waqt li għexerien ta’ persuni jinsabu maqbuda f’nofs il-kunflitt u m’għandhomx aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza.

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Antonio Gutierrez qal li minkejja l-avvanzi tal-qawwiet tal-Ġeneral Haftar, l-organizzazzjoni li jmexxi tinsab determinata li fil-jiem li ġejjin torganizza konferenza fuq il-possibiltà li fil-Libja jsiru elezzjonijiet bit-tama li l-pajjiż joħroġ mill-kriżi li daħal fiha. “We will never give up in our support to the Libyan people.”

Fl-isfond tas-sitwazzjoni li qed teskala, ir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija tal-Unjoni Ewropea, Federica Mogherini sejħet lil fazzjonijiet rivali biex jaqblu fuq pjan għal waqfien mill-ġlied u li jerġa’ jkun hemm negozjati politiċi.