Infrastruttura
Il-qalba tal-Imqabba tibda tieħu dehra ġdida

Proġett ta’ riġenerazzjoni fl-Imqabba beda jagħti dehra ġdida l-qalba tal-Imqabba u jwitti t-triq biex itaffi l-problema tal-għargħar f’dan ir-raħal waqt li jtejjeb il-konservazzjoni tal-ilma tax-xita b’ilqugħ għall-ilma. L-ewwel fażi tal-proġett tlestiet bil-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg jgħid li dan il-proġett ser itejjeb l-infrastruttura u ser jikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja għall-Imqabbin.

Ix-xogħlijiet infrastrutturali fl-Imqabba wittew it-triq biex l-ilma tax-xita jinġabar f’ġibjun ġdid bħala parti minn proġett ta’ riġenerazzjoni.

Waqt preżentazzjoni teknika tal-proġett, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Infrastruttura Christopher Cutajar, qal li x-xogħlijiet qed isiru fit-tliet fażijiet. Qal li diġà saret sistema ġdida ta’ katusi u spralli għall-ilma fil-qalba tal-Imqabba.

Is-Sur Cutajar spjega li qal fit-tieni fażi se jinbena ġibjun li jesa’ 11,000 metru kubu ta’ ilma. Qal li dal-ġibjun ser ikun akbar minn dak li hemm fil-bypass tal-Imqabba.

”L-ilma li ser jinġabar fih ser ikun qed imur fl-ilma tal-pjan. Il-blat li ser jinqata’ ser ikun qed jerġa’ jintuża għal proġetti oħrajn ta’ kostruzzjoni u t-tielet din l-art agrikola ser inkunu nistgħu nerġgħu ngħattuha bil-ħamrija biex terġa’ tintuża għal skop agrikolu.”

Is-Segretarju Permanenti qal li wara li jgħaddu l-festi, f’Settembru jinbdew xogħlijiet fil-pjazza u t-toroq tal-madwar. Huwa qal li ser issir sistema biex jinġabar l-ilma tax-xita u jgħaddi minn taħt l-art għall-ġibjun il-ġdid. Qal li wires ta’ diversi servizzi bdew jinqalgħu minn mall-faċċati u ser jgħaddu minn taħt l-art.

Il-Ministru Ian Borg qal li dan huwa eżempju għal proġetti simili.

”Qed nagħmlu infrastruttura li għandha tkun il-mudell għall kull qalba ta’ belt u raħal f’pajjiżna – infrastruttura li tixraq u li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.”

Is-Sindku tal-Imqabba, Charlene Muscat qalet li dan il-proġett huwa riżultat ta’ koperazzjoni bejn il-Kunsill u l-Ministeru, li ta widen għall-prijoritajiet tar-residenti.

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

Studju internazzjonali wera li l-każi li l-kanċer tal-għonq tal-utru qegħdin jonqsu drastikament tant li hu maħsub li din il-marda tista’ tiġi eradikata. Dan huwa grazzi għat-tilqima li tingħata lit-tfajliet kontra…

Tfal

Skont l-aġenzija appoġġ, madwar mitt tifel u tifla ngħataw għall-kura għand foster carers wara talba mill-ġenituri tagħhom stess minħabba li spiċċaw f’diffikultajiet fosthom mard serju jew spiċċaw bla saqaf fuq…

Edukazzjoni

L-edukazzjoni ma tieqafx mal-età obbligatorja! Id-Direttorat tat-Tagħlim Tul il-Ħajja beda jilqa’ applikazzjonijiet mingħand adulti li fis-sena skolastika li jmiss jistgħu jsegwu xi wieħed minn 450 kors, kemm f’oqsma akkademiċi kif…

Kronaka

Il-Pulizija jidher li tinsab viċin li ssolvi omiċidju li jmur lura ħdax-il sena. Il-każ jitratta tfajla li ilha rappurtata nieqsa mill-2008 u minn investigazzjonijiet li saru fl-aħħar jiem irriżulta li…

Aktar