Edukazzjoni
Il-Qaritona b’ġebla waħda tolqot żewġt għasafar – tħeġġeġ lit-tfal jaqraw u jrawmu sens ta’ solidarjetà

“Erħi Kollox u Aqra” hi l-istedina lit-tfal għar-raba’ edizzjoni tal-Qaritona Nazzjonali bil-għan li tħeġġeġ lit-tfal jaqraw aktar waqt li jrawmu sens ta’ solidarjetà permezz ta’ ġbir ta’ fondi għal tfal b’abbiltajiet differenti.

Il-qawl b’ġebla waħda tolqot żewġ għasafar jiddeskrivi tajjeb l-iskop tal-Qaritona Nazzjonali organizzata mill-Malta Trust Foundation flimkien mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.

Iċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-fondazzjoni tirsisti fil-qasam tal-litteriżmu waqt li tnissel fit-tfal il-valur li jaħsbu f’ħaddieħor.

“Dawk it-tfal li qegħdin jaqraw u qed jipparteċipaw fil-qaritona nazzjonali, għall-kotba li jkunu qegħdin jaqraw, ikunu wkoll qed jiġbru xi ħaġa tal-flus. Dawk il-flus imorru biex jiġu nvestiti f’devices teknoloġiċi, ħalli nkunu nistgħu ngħadduhom lil tfal li huma fuq l-ispettru tal-awtiżmu u ma jitkellmux.”

Kompliet tgħid li dan it-tagħmir jgħin fl-iżvilupp edukattiv tat-tfal billi jgħinhom jikkomunikaw aħjar. Fit-tnedija tar-raba’ edizzjoni tal-Qaritona Nazzjonali, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li minkejja l-isforzi biex l-edukazzjoni tkun aċċessibbli għal kulħadd, qatt mhu biżżejjed.

“Jekk ma nilħqux dak it-tifel jew dik it-tifla, jkun ifisser li hemm xi ħaġa nieqsa/ U allura rridu nkomplu naħdmu biex kemm jista’ jkun ikollna edukazzjoni tassew għal kulħadd skont il-potenzjal ta’ kull tifel u tifla.”

Iċ-Chairman tal-Bord tal-Aġenzija tal-Litteriżmu, il-Professur Charles Mifsud qal li b’diversi studji juru li ħafna tfal madwar id-dinja waqgħu lura fl-edukazzjoni minn meta faqqgħet il-pandemija, f’Malta l-awtoritajiet edukattivi qed jaħdmu fuq programm ta’ rkupru tal-kurrikulu.

“Nassiguraw li numru ta’ opportunitajiet li ntilfu nagħmlu aktar emfasi anki bħala catch up programmes tal-litteriżmu ħalli nimminimizzaw l-impatt li kellha l-pandemija anki fuq l-edukazzjoni ta’ uliedna b’mod partikolari fis-snin li huma l-aktar sensittivi, fl-early years, fil-primarja u fil-bidu tas-sekondarja.”

Il-Qaritona Nazzjonali qed ssir matul l-ewwel tliet ġimgħat ta’ Marzu bis-sehem ta’ tfal mill-ewwel sas-sitt sena tal-primarja minn 42 skola tal-istat, tal-knisja u indipendenti.

Waqt il-Qaritona, l-istudenti jieħdu magħhom l-iskola l-ktieb favorit, jew il-ktieb li jkunu qegħdin jaqraw, u waqt sessjoni virtwalii mal-Ambaxxaturi tal-Qari jitkellmu dwar l-istejjer u l-ħsibijiet tagħhom.