Lokali
Il-qasam industrijali tal-Imrieħel inbidel f’Central Business District

Dik li sa ftit ilu konna nsibuha bħala ż-żona industrijali tal-Imrieħel ingħatat identità ġdida bħala Central Business District. Il-Gvern alloka budget għat-titjib ta’ dan id-distrett fejn jaħdmu mal-250 intrapriża. Il-Fondazzjoni Central Business District li twaqqfet biex torganizza aħjar dan id-distrett trid li tagħmlu aktar attraenti għan-negozji u għall-viżitaturi.

Iż-żona industrijali tal-Imrieħel ser tibda titmexxa bħala Central Business District wara li twittiet it-triq għal dan mill-Fondazzjoni li twaqqfet sentejn ilu bi sħubija bejn il-Gvern u l-privat. Din ħadet ir-responsabilità li tikkordina mal-operaturi, mal-kunsilli lokali u l-bosta entitajiet tal-Gvern biex ikun hemm aktar organizzazzjoni fiż-żona.

Fit-tnedija tal-identità l-ġdida tal-Imrieħel bħala Central Business District, il-Ministru għall-Investiment u n-Negozji Chris Cardona saħaq li din l-identità maħsuba biex tgħolli l-livell ta’ din iż-żona fejn jaħdmu mas-sitt elef ruħ.

“Fiha nsibu l-ewwel ħaġa aktar minn 250 operatur ekonomiku li jinkorporaw minn ħwienet sa industrija, manifattura ‘high end’ kif ukoll il-manifattura indiġena li ilha hawnhekk għal aktar minn 50 sena,” spjega l-Ministru. “Il-viżjoni tagħna hi li jkollna distrett, li huwa l-għira ta’ dawk li jixtiequ jinvestu fil-pajjiż tagħna, kemm lokalment kif ukoll minn barra. Li jkun hemm riġenerazzjoni taż-żona kollha.””

Il-Ministru Cardona faħħar ix-xogħol li sar mil-fondazzjoni fl-aħħar sentejn, fosthom fl-immaniġġjar tal-iskart fiż-żona kif ukoll biex saru tiswijiet ta’ dwal tat-toroq u manutenzjoni ta’ erba’ toroq ewlenin li swew mat-€380,000.

William Wait, li ħa f’idejh it-tmun tal-fondazzjoni mingħand Louis Farrugia, qal li l-fondazzjoni se tkompli l-ħidma fuq it-toroq u fuq l-indafa taż-żona, kif ukoll fuq pjan biex it-traffiku jiġi mmaniġġjat aħjar, aċċess aħjar bit-trasport pubbliku, tisbiħ taż-żona u nfurzar tar-regolamenti. Huwa appella lil kull min jopera mill-Imrieħel sabiex jidħol membru mal-Fondazzjoni.

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

L-istudenti fl-iskejjel sekondarji tal-Gvern li għażlu suġġetti vokazzjonali, minn Settembru li ġej se jibda jkollhom il-lezzjonijiet minn klassijiet li ngħataw bixra differenti għax ġew mgħammra b’apparat li jixbah dak li…

Agrikultura

Deskritt bħala wieħed mill-ifjen żjut minn esperti u chefs magħrufa internazzjonalment, fosthom Jamie Oliver, iż-żejt taż-żebbuġa Malti għandu karatteristiċi partikulari li jiddistingwuh. Sejbiet arkeoloġiċi juru li elfejn sena ilu, ir-Rumani…

Kultura

Niċċa bi statwa devota tar-Redentur, fit-triq għal Marsaxlokk, se tiġi restawrata. Ix-xogħol se jsir mid-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u għandu jitlesta sal-aħħar tas-sena. Il-Perit…

Annimali

Numru ta’ kuċċiera qalu li qegħdin jikkunsidraw li jiftħu kawża fil-Qorti biex ireġġgħu lura l-avviż legali li bih ma jistgħux jaħdmu bil-karrozzin bejn is-siegħa u l-erbgħa ta’ waranofsinhar f’Lulju u…

Aktar