Il-Qasam Soċjali ta’ Ħal Mula rranġat b’investiment ta’ €500,000

Il-Qasam Soċjali ta’ Ħal Mula f’Ħaż-Żebbuġ ingħata dehra ġdida fi programm ta’ riġenerazzjoni li sar f’dawn l-aħħar xhur.

Il-Ministru ghall-Akkomodazzjoni Roderick Galdes qal li 84 familja ser igawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar wara li qed tkun implimentata strateġija biex l-oqsma tad-djar soċjali kollha jkunu riġenerati.

B’investiment ta’ €500,000 l-Qasam Soċjali tad-djar f’Ħal Mula, Ħaż-Żebbuġ, għadda minn programm ta’ riġenerazzjoni u tisbiħ.

Waqt l-inawgurazzjoni tax-xogħlijiet li saru fl-aħħar erba’ xhur il-Ministru tal-Akkomodazzjoni Socjali Roderick Galdes qal li 14-il blokka fejn jgħixu 84 familja ngħataw dehra ġdida.

Huwa spjega li sar xogħol fuq il-faċċata, il-partijiet komuni, il-parapetti, inbidlu travi tal-ħadid, tiswijiet ta’ installazzjonijiet ta’ elettriku u ilma, tiswija fit-tankijiet tal-ilma u anke l-bjut.

“Kif qed nagħmlu bi strateġija madwar Malta hawnhekk erġajna rriġenerajna mill-ġdid ta’ djar li kienu nbnew fil-passat, mhux biss qed nibnu appartament ġodda imma wkoll qed nindukraw l-assi eżistenti li għandu l-istat li qed jintużaw għall-skop soċjali, għall-familji vulnerabbli”.

Il-Ministru Galdes qal li dawn il-binjiet ilhom li nbnew mis-sebgħinijiet iżda tħallew fi stat li naqset sew il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Huwa sostna li minbarra li nbnew oqsma ġodda l-Ministeru ħaseb biex jiddedika l-fondi ħalli l-oqsma soċjali kollha jgħaddu minn programm ta’ riġenerazzjoni.

Il-Ministru Galdes spjega li l-Awtorità tad-Djar għandha aktar minn 1,000 residenza għall-akkomodazzjoni mxerrda mal-pajjiz li nofshom diġà tlestew.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid Mackay qal li mis-sena 2013 ‘il hawn ntefqu madwar €7 miljun fi programm ta’ riġenerazzjoni tal-oqsma soċjali.

Huwa sostna li l-Awtorità jkollha mal-200 talba fix-xahar għall-manutenzjoni strutturali iżda l-Awtorita għażlet li timplimenta programm li jgħolli l-kwalita tal-ħajja tar-residenti flok issewwi biss.