Lokali
Il-qasam tas-sajd Malti se jibbenefika minn fondi ta’ €29 miljun

Malta se tibbenefika minn €29 miljun għall-qasam marittimu, sajd u akwakultura, bil-għan li titrawwem industrija tas-sajd sostenibbli, ikunu protetti r-riżorsi bioloġiċi fil-baħar u biex issir iktar promozzjoni ta’ prodotti tal-ħut u tal-akwakultura.

B’hekk il-Gvern nieda għall-konsultazzjoni pubblika dokument ieħor dwar programm propost għal infiq ta’ fondi Ewropej mill-allokazzjoni għal Malta għas-snin sal-2027.

Il-qasam tas-sajd Malti huwa industrija żgħira iżda importanti li tul is-snin ħabbat wiċċu ma’ diversi sfidi fosthom flotta tas-sajd li qed teqdiem, in-nuqqas ta’ interess taż-żghażagħ fis-settur tas-sajd, u l-impatt tal-Covid-19.

Il-qasam tal-Akwakultura kiber u żviluppa u llum għandu l-isfidi tiegħu ukoll fosthom in-numru limitat ta’ speċi mkabbra fil-farms tal-ħut u m’hemmx biżżejjed riċerka u innovazzjoni fejn tidħol is-sostenibbilità tas-settur fid-dawl tat-tibdil fil-klima u l-impatt ambjentali fuq dan il-qasam.

Il-Gvern nieda dokument ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-allokazzjoni ta’ €29 miljun lil Malta mill-Fond Marittimu, Sajd u Akwakultura Ewropew biex fost l-oħrajn iħares lejn l-impatt u l-pressjonijiet fuq l-ambjent tal-baħar u l-kosta Maltija. L-infiq fuq il-qasam marittimu għandu jindirizza diversi sfidi fosthom iż-żamma ta’ popolazzjonijiet ta’ ħut u frott tal-baħar f’livelli tajbin, il-protezzjoni tan-natura u l-biodiversità, l-isfida tal-iskart fil-baħar u l-isfida li t-tibdil tal-klima qed iġib fuq l-ambjent marittimu u kostali.

Is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-fondi se jiffukaw fuq żewġ prijoritajiet, l-ewwel waħda, it-trawwim ta’ industrija tas-sajd sostenibbli flimkien mar-restawr u l-konservazzjoni tar-riżorsi bioloġiċi fil-baħar. It-tieni prijorità hija t-trawwim ta’ attivitajiet ta’ akwakultura sostenibbli, l-ipproċessar u l-promozzjoni ta’ prodotti tal-ħut u tal-akwakultura biex hekk tkun żgurata is-sigurtà tal-ikel fl-Unjoni Ewropea.

“Naraw li jkun hemm investiment anki għas-sajjieda biex ikollhom bastimenti li jkollhom aġġornament fihom, kif ukoll titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u nħarsu lejn dak il-qasam ukoll. Però hemm aspett ukoll ta’ riċerka u anki ta’ innovazzjoni f’dawn is-setturi apparti l-investiment li se nkunu qegħdin nagħmlu fuq il-qasam tal-akwakultura li huwa wkoll qasam importanti ħafna, għandna ndustrija sostanzjali, fejn irridu naraw b’aktar riċerka kif ikollna qasam tal-akwakultura li jkun aktar sostenibbli, imma fl-istess ħin li jkun settur li jħalli l-inqas impatt ambjentali.”

L-investimenti proposti fid-dokument huma fid-direzzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, interventi immirati li jappoġġjaw is-sostenibbiltà soċjo-ekonomika u ambjentali tal-oqsma tas-sajd u l-akkwakultura u b’emfasi akbar fuq ir-riċerka ħalli jittieħdu deċiżjonijiet aħjar dwar l-għarfien, il-kontroll u l-infurzar ta’ dak li għandu x’jaqsam mal-marittimu.

Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ miftuħa sat-22 ta’ Ottubru.