Kurżitajiet
Il-qassis Taljan li biegħ id-droga jitlob li jintbagħat 3 snin ħabs

Is-saċerdot ta’ 40 sena li ammetta li kien xtara droga bil-flus tal-offerti qed jitlob li jintbagħat sa 3 snin u 8 xhur ħabs.

Dun Francesco Spagnesi, li kien iservi fil-parroċċa ta’ Prato, kien ġie akkużat bi traffikar u importazzjoni ta’ kokaina u tad-droga magħrufa bħala Gbl.

Mill-istħarriġ tal-Pulizija Taljana rriżulta li d-droga kienet tintuża f’festini kkaratterizzati minn attivitajiet sesswali.

Dun Spagnesi ammetta li d-droga ġegħlitu jittradixxi lill-parruċċani u ddeskriva dak li għamel bħala tal-mistħija.

“Se nrodd il-flus li ħadt lill-Knisja u lill-parruċċani. Kulħadd se jieħu flusu lura. Se nbigħ dak li għandi inkluż id-dar fuq muntanja. Nitlob skuża lil kulħadd”, kien qal.

L-Avukat Ġenerali qed jaqbel mal-piena madankollu issa jrid ikun l-imħallef li jaqbel dwar il-piena.

L-akkuża li s-saċerdot għadda marda trasmessa sesswalment lil raġel waqt relazzjoni miegħu waqgħet wara li ma rriżultax li r-raġel kien pożittiv għall-HIV.