Politika
“Wassalna messaġġ b’saħħtu favur l-inklużjoni u l-abbiltajiet differenti” – Il-PM

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, qal li f’nofs pandemija l-qgħad f’Malta hu inqas minn kif kien f’Marzu li għadda meta faqqgħet l-imxija fil-pajjiż. F’attività politika fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, Dr Abela qal li dan hu riżultat tal-miżuri li ħabbar il-Gvern li minflok għażel it-triq tal-awsterità inċentiva lill-ħaddiema u n-negozji biex ikattru l-ġid filwaqt li titħares is-saħħa tan-nies.

Il-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, qal li bil-co-option ta’ Oliver Scicluna bħala deputat parlamentari bagħat messaġġ b’saħħtu favur l-inklużjoni u l-abbilitajiet differenti. Stqarr li jrid li s-Sur Scicluna javvanza iżjed fil-karriera politika tiegħu għax jemmen li l-Parlament irid ikun aktar rappreżentattiv tas-setturi differenti fis-soċjetà. Dr Abela wera ruħu diżappuntat li l-Oppożizzjoni għadha ma ferħitlux anzi qal ħolqot kontroversja u b’dan ma bagħtitx messaġġ ta’ għaqda nazzjonali.

Semma l-mekkaniżmu tar-rappreżentenza ugwali bejn is-sessi fil-Parlament. Il-Prim Ministru għamilha ċara li min se jitla’ b’dan il-mekkaniżmu mhux se jkun deputat tat-tieni kategorija. Wiegħed li l-Gvern se jiddiskuti suġġetti li għal snin twal tpoġġew taħt it-tapit fosthom l-ewtanasja.

Dwar l-aħħar sena kemm ilu li nħatar Prim Ministru, Dr Abela qal li beda f’perjodu ta’ instabilità politika, iżda minkejja dan, f’sena waħda, għamel erba’ budgets.

Qal li s-suppliment tal-pagi salva 100,000 post tax-xogħol fil-privat. Spjega li meta faqqgħet il-pandemija, il-Gvern kellu żewġ għażliet: li jdaħħal miżuri ta’ awsterità b’detriment għall-poplu jew li jintervjeni b’mod aggressiv fis-suq tax-xogħol u n-negozju. Dr Abela qal li l-Gvern għażel li jagħmel minn kollox biex ma jintilfux impjiegi. Irrimarka li dan wassal biex bħalissa l-qgħad f’Malta hu inqas minn Marzu li għadda meta faqqgħet il-pandemija.

Dr Abela rrefera għall-aħbar li bdiet tingħata t-tieni doża lill-ħaddiema tas-saħħa. Staqsa lil min jaf l-iktar il-poplu: jekk hux it-tim tal-Covid-19 tal-Partit Nazzjonalista, li qal iddeċieda li ma jiddeċiedi qatt, jew lill-awtoritajiet tas-saħħa tal-pajjiż. Qal li hu jafda lil Chris Fearne u lil Charmane Gauci. Qal li dawn huma l-għażliet li jrid jagħmel il-poplu fix-xhur li ġejjin.

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern ma jibżax mill-isfidi tal-immigrazzjoni illegali. Irrimarka kif fl-aħħar sena kienet l-iktar waħda li fiha qatt ġew rilokati immigranti lura pajjiżhom. Stqarr iżda li fadal xi jsir għax l-immigrazzjoni hi problema tas-sena kollha.

Dwar il-kostruzzjoni, il-Mexxej Laburista qal li l-ewwel sinjali kienu juru li l-industrija se tinżel għarkupptejha bil-pandemija. Spjega iżda li f’Malta ma ġarax hekk għax f’Diċembru li għadda ġie rreġistrat rekord ta’ bejgħ ta’ proprjetajiet.