
Il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem tat l-appoġġ tagħha lill-Gvern tar-Repubblika Ċeka li jobbliga lill-ġenituri jlaqqmu lil uliedhom bit-tilqim tal-MMR qabel jibdew l-iskola.
Il-każ spiċċa quddiem il-Qorti Ewropea minn familji li ġew immultata jew li ma tħallewx jibdew l-iskola għax ma kinux imlaqqma.
F’deċiżjoni storika, il-qorti qalet li waqt li l-liġi Ċeka kienet tinterferixxi mad-dritt għal ħajja privata, hemm il-bżonn li titħares is-saħħa pubblika.
Dawn il-każijiet seħħu qabel il-pandemija.
Madankollu l-kwistjoni tat-tilqim reġgħet spiċċat taħt il-lenti minħabba l-imxija tal-Covid-19.
Din hija l-ewwel deċiżjoni tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar tilqim obbligatorju kontra mard fit-tfulija.
Skont il-liġi Ċeka, il-ġenituri huma legalament obbligati li jlaqqmu lil uliedhom kontra bosta mard fit-tfulija. Dan sakemm ma jkunx possibblii minħabba raġunijiet ta’ saħħa.
Madankollu, it-tilqim ma jistax jingħata b’mod sfurzat u tfal mhux imlaqqma ma jistgħux jiġu esklużi fuq din il-bażi ladarba jilħqu l-età li jibdew l-iskola primarja.
F’każ minn ħamsa, familja rrifjutat li tagħti t-tilqim lil bintha għall-ħosba, għall-gattone u għar-rubella, jew kif inhi magħrufa aħjar bħala l-MMR.
Ir-Repubblika Ċeka mhix l-uniku pajjiż tal-Unjoni Ewropea li jobbliga t-tilqim lit-tfal fit-tfulija.
Is-sena li għaddiet, il-Ġermanja daħħlet liġi tobbliga lill-ġenituri jlaqqmu lil uliedhom kontra l-ħosba jew iħabbtu wiċċhom ma’ multa ta’ €2,500.