Unjoni Ewropea
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tgħid li l-operat tal-Frontex mhux adegwat

F’rapport ippubblikat illum mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri jirriżulta li l-operat tal-aġenzija tal-fruntieri Frontex mhux adegwat fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità fil-fruntieri tal-Unjoni Ewropea.

Il-membru Malti tal-Qorti tal-Awdituri li kien responsabbli mir-rapport, Leo Brincat, qal li l-Frontex ma kinitx effettiva biżżejjed biex tgħin lill-Istati Membri u lill-pajjiżi msieħba fiż-żona tax-Schengen fl-immaniġjar tal-fruntieri Ewropej.

Minbarra li kkonkludew li l-Frontex ma implimentatx bis-sħiħ il-mandat li ngħatat fl-2016, l-awdituri jixħtu dubju wkoll fuq kemm hija kapaċi timplimenta b’mod effettiv ir-rwol operazzjonali l-ġdid li ġie assenjat lilha.

Il-Frontex inħolqot fl-2004 biex flimkien mal-istati membri tal-Unjoni tindirizza l-isfidi li hemm fil-fruntieri tal-pajjiżi tal-blokk Ewropew, fosthom it-terroriżmu, it-traffikar tal-persuni, u l-immigrazzjoni illegali.