Lokali
Il-Qorti ma tilqax il-mandat ta’ inibizzjoni li tressaq mill-Assoċjazzjoni tal-Pitkala

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Toni Abela, ma laqgħetx mandat ta’ inibizzjoni li tressaq mill-Assoċjazzjoni tal-Pitkala ġimgħa ilu, li talbet li l-operaturi kollha fil-Pitkalija jkunu trattati l-istess. Dan wara diżgwit li nqala’ bejn il-membri tal-assoċjazzjoni u l-Gvern dwar il-garanzija bankarja li jridu jagħmlu l-pitkala, maħsuba biex tagħmel tajjeb f’każ li pitkala ma jħallsux lill-bdiewa fil-ħin.

B’din id-deċiżjoni, żewġ pitkala li għandhom liċenzja u l-koperattiva ċentrali tal-bdiewa minn għada se jitħallew ikomplu joperaw b’mod normali mill-Pitkalija f’Ta’ Qali. Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Pitkala, Jan Bonello, qal li t-tlettax-il membru ma jistgħux jaħdmu għax m’għandhomx liċenzja u issa se jistennew mingħand il-Gvern biex jissuktaw it-taħditiet.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Agrikoltura Sharlo Camilleri qal lil Television Malta li fiċ-ċirkustanzi, għal għada se jinżammu l-istess arranġamenti tat-Tnejn li għadda. Il-bdiewa se jidħlu fil-Pitkalija fis-sagħtejn ta’ filgħodu u fl-erbgħa jiddaħħlu x-xerrejja li se jixtru l-ħaxix dirett mingħand il-bdiewa.

Ara wkoll:

Ix-xerrejja kkonkorrew u ħareġ ħafna xogħol – bidwi li rama fil-Pitkalija