Edukazzjoni
Il-Qorti ma tilqax it-talba biex twaqqaf lill-unions tal-għalliema milli jieħdu azzjonijiet industrijali

Il-Qorti ċaħdet il-mandat ta’ inibizzjoni mressaq mill-Ministeru tal-Edukazzjoni kontra l-MUT u l-UPE biex twaqqaf milli jittieħdu azzjonijiet industrijali.

Kollox beda wara li xi għalliema peripatetiċi ddaħħlu jgħallmu bħala għalliema tal-primarja.

L-MUT kienet qalet li ma kinitx infurmata b’dan u kienet stqarret li kien hemm 150 klassi tal-primarja bla għalliema. Min-naħa tiegħu, il-Ministeru kien qal li dan mhux minnu u li bl-ingaġġ ta’ għalliema ġodda flimkien ma’ xi għalliema parepatetiċi, kull klassi se jkollha l-għalliem tagħha.

L-MUT kienet qalet li kienet ilha mis-sajf titlob lill-Ministeru għal informazzjoni dwar x’se jiġri mis-sena skolastika ġdida, anki minħabba l-protokolli marbuta mal-Covid, iżda sostna li l-Unjin inżammet fil-għama. B’reazzjoni għal dan il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana kienet qalet li mhux minnu li l-MUT tħalliet fil-għama.

Intant, il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Dr. Neville Camilleri, iddeċidiet li ma tilqax it-talba tal-Ministeru għall-mandat ta’ inibizzjoni.

Fi stqarrija, l-MUT qalet li l-Qorti rrikonixxiet id-dritt li l-MUT tordna direttivi, liema dritt ipprova jittieħed mill-Ministeru tal-Edukazzjoni. Tenniet li ħadd, inkluż il-Ministeru, mhuwa ser jagħmel sarima mal-MUT u l-edukaturi. Kompliet tgħid li se tkompli ssegwi s-sitwazzjoni tal-każijiet ta’ transfers fil-Primarja u ser toħroġ l-azzjonijiet industrijali fejn meħtieġ. Temmet tgħid li d-direttivi li nħarġu se jibqgħu fis-seħħ.

Min-naħa tagħha, il-UPE laqgħet ukoll id-deċiżjoni tal-Qorti u qalet li fis-sigħat li ġejjin se tkun qed tinforma l-membri tagħha bl-azzjonijiet li se tieħu.