Qorti
Il-Qorti ma tilqax talba ta’ Dr Megally biex twaqqaf l-ingaġġ ta’ konsulent f’Mater Dei

Il-Qorti ma laqgħetx it-talba tal-ispeċjalista tas-saħħa Naged Megally biex iżżomm fis-seħħ mandat t’inibizzjoni kontra l-Ministeru tas-Saħħa, l-Uffiċjal Mediku Ewlieni, u d-Dipartiment tas-Servizz Pubbliku.

Dr Megally talab lill-Qorti biex twaqqaf l-ingaġġ ta’ konsulent fl-Ostetriċja u l-Ġinekoloġija b’interess speċjali fil-Mediċina Feto-Materna fl-Isptar Mater Dei, minħabba li qal li din is-sejħa hija diskriminatorja fil-konfront tiegħu.

Fir-rikors li ressaq, Dr Megally qal li snin ilu tefa’ applikazzjoni biex jirreġistra ruħu bħala speċjalista għax għandu kwalifiċi fil-qasam tal-mediċina Feto-Materna, iżda peress li l-ispeċjalizzazzjoni tiegħu mhix inkluża, huwa kellu jissottometti applikazzjoni biex jirreġistra ruħu bħala Speċjalist fl-Ostetriċja u Ġinekoloġija.

Minħabba li jbati mill-kundizzjoni tad-distrofija muskolari, li biha ma jistax jagħmel it-taħriġ prattiku li tirrikjedi din l-ispeċjalizzazzjoni tal-Ostetriċja u Ġinekoloġija, l-applikazzjoni tiegħu kienet ġiet irrifjutata.

Żied jgħid li din is-sejħa tesiġi, fost oħrajn, il-ħtieġa li l-applikant ikun irreġistrat f’Reġistru dwar l-Ispeċjalisti, u għalhekk huwa qed jiġi eskluż avolja għandu kwalifiki fil-qasam tal-Mediċina Feto-Materna.

Il-Ministeru tas-Saħħa wieġeb li għandha ssir distinzjoni bejn ix-xewqat personali tal-karriera professjonali ta’ dak li jkun, inkluż l-intoppi li jista’ jkollu konsegwenza ta’ kundizzjoni jew diżabilità, u xogħol il-leġislatur biex jemenda l-liġi. Żied li anki jekk il-liġi kellha tinbidel, Dr Megally ma għandu l-ebda garanzija li kien ser jintgħażel għal din il-pożizzjoni.

Il-Ministeru saħaq li fil-verità ser ikun id-dipartiment ikkonċernat u s-servizz tas-saħħa pubbliku, għad-detriment ta’ kull mara li tuża dan is-servizz, li ser isofru l-akbar preġudizzju, u mhux Dr Megally.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, qablet mar-risposta tal-Ministeru tas-Saħħa u ddikjarat li ma jirriżultax li Dr Megally għandu jedd prima facie u li l-mandat huwa meħtieġ biex jitħarsu l-jeddijiet tiegħu.

Il-Qorti għalhekk irrevokat id-digriet tat-23 ta’ Lulju għall-ħruġ ta’ mandat proviżorju.