Qorti
“Il-Qorti mhu se tħalli lil ħadd jagħmilha ta’ cowboy fit-triq” – Xahar ħabs talli ħebb għal mara

Raġel ta’ 56 sena ntbgħat 30 jum ħabs wara li l-Qorti ċaħdet l-appell tiegħu biex titnaqqaslu s-sentenza b’rabta ma’ każ ta’ aggressjoni fit-triq.

Paul Grima kien instab ħati li kkaġuna diversi feriti ħfief f’wiċċ mara meta ħebb għaliha f’argument dwar is-sewqan f’Mejju tas-sena l-oħra, u fl-appell argumenta, fost oħrajn, li l-ewwel Qorti ma kinitx ikkunsidrat l-element ta’ provokazzjoni.

Grima kien xehed kif dakinhar li seħħ il-każ kien niżel mill-vapur t’Għawdex bil-vettura u kien qed isuq, meta vettura oħra qasmet quddiemu u kienet se titfgħu fil-barrikati. Qal li daqq il-ħorn u baqa’ jsuq, u meta l-vettura waqfet fit-traffiku niżel biex jistaqsi lis-sewwieq għalfejn ħarġitlu subgħaja tan-nofs.

Grima rrakkonta li meta staqsa dan lis-sewwieq, hija rrispondietu “Biex iddaħħlu wara” u qal li dak il-ħin intilef. Ċaħad li taha ħafna daqqiet u sostna li taha daqqa waħda fuq in-nuċċali.

Min-naħa tagħha, il-vittma ammettiet li kienet għamlet mossa lil Grima meta dan beda jdoqq il-ħorn u jsegwiha, u qalet li baqa’ jrossha sakemm waqaf quddiemha u għalqilha t-triq. Qalet li dan kien ħafi u żaqqu barra, u meta ġie ħdejn it-tieqa tagħha lanqas taha ċans titkellem għax beda jtiha bl-addoċċ f’rasha u f’wiċċha.

Żiedet li dak il-ħin kien hemm ukoll karozza tal-kiri b’erba’ ġuvintur barranin li ppruvaw jiddefenduha. Allegat li Grima qabad ħadida u kien se jagħti biha lil wieħed minnhom li pprova jwaqqfu.

Il-Qorti rat ritratti ppreżentati mill-vittma tal-ġrieħi li sofriet f’wiċċha u tal-karozza ta’ Grima timblokka l-karozza tal-vittma, kif ukoll ċertifikati mediċi.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li minkejja li l-aġir tal-vittma ma kienx rakkomandabbli meta din ħarġitlu subgħaja, madankollu dan ma kienx jagħti liċenzja lil Grima biex jaggrediha u jitlef kull sens ta’ propozjon.

Filwaqt li ċaħdet l-appell, il-Qorti qalet li l-aġir tal-appellant “tikkundannah bl-aktar mod sever u ma hija ser tħalli lil ħadd jagħmilha ta’ cowboy fit-triq a skapitu ta’ ħaddieħor.”