Qorti
Il-qorti ordnat li jinżamm Monte Carmeli wara li attakka u darab tfajla li kienet qed tixxemmex

Raġel ta’ 36 sena mis-Siġġiewi Frederick Mifsud ġie ordnat sabiex jinżamm fl-Isptar Monte Carmeli wara li tressaq il-Qorti akkużat li agreddixa żagħżugħa Żvediża nhar it-28 ta’ Awwissu fl-inħawi magħrufa bħala il-Fossa fil-Belt Valletta.

Quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri Mifsud gie akkużat li wettaq ir-reat waqt li kien barra fuq libertà proviżorja. Huwa kien akkużat fost oħrajn li darab gravi lit-tfajla ta’ 26 sena Anna Karsbjer, wara li allegatament taha daqqiet ta’ sieq f’wiċċha waqt li kienet qed tixxemmex.

Filwaqt li l-aggressur ħarab minn fuq il-post, minn investigazzjonijiet imwettqa mill-Pulizija ankè permezz ta’ filmati miġbura minn kameras tas-sigurtà fiż-żona – il-Pulizija waslu sabiex arrestaw lill-istess Mifsud. L-ispettur Daryl Borg qal li l-uffiċjal tal-probation infurmah li Mifsud ma attendiex l-aħħar żewġ appuntamenti li kellu miegħu. Id-difiża ma oġġezzjonatx biex l-akkużat jinżamm l-isptar Monte Carmeli u jsirlu eżami psikjatriku.