Barranin
Il-Qorti Suprema Amerikana tiddikjara liġi kontra l-abort bħala mhux kostituzzjonali

Il-Qorti Suprema Amerikan iddikjarat liġi tal-istat ta’ Louisiana li timponi restrizzjonijiet fuq l-abort bħala liġi mhux kostituzzjonali.

F’din id-deċiżjoni storika, il-Prim Imħallef John Roberts ingħaqad mal-Imħallfin liberali li b’vot ta’ 5 kontra 4 li ddikjaraw il-liġi bħala waħda li tpoġġi piż bla bżonn fuq in-nisa u għalhekk mhix kostituzzjonali.

Is-sentenza tal-Qorti hija daqqa ta’ ħarta għall-gruppi li huma kontra l-abort. Il-Qorti kienet iddeċidiet kontra ukoll liġi simili li kien impona l-istat ta’ Texas fl-2016.

Din hija l-ewwel kawża li dwarha ingħatat sentenza mill-Qorti Suprema Amerikana waqt il-presidenza tal-President Donald Trump.

Il-liġi tal-istat tal-Louisiana li ħarġet fl-2014 kienet timponi l-ammont ta’ aborti li jistgħu billi kienet tesiġi li t-tobba li jagħmlu l-abort iridu jkunu jaħdmu mhux aktar ‘il bogħod minn 48 kilometru minn sptar.

Filwaqt li l-istat kien argumenta li għadda din il-liġi biex jipproteġi is-saħħa tan-nisa, kritiċi qalu li huwa rari ħafna li mara jkollha kumplikazzjonijiet minn abort. Qalu li ħafna mill-isptarijiet fir-reġjun huma affiljati mar-reliġjon jew konservattivi u ma jħallux li jsiru aborti fil-faċilitajiet tagħhom u dan kien jillimita ħafna l-ammont ta’ tobba li setgħu jagħmlu l-proċedura tal-abort.