Lokali
Il-Qorti tagħti ċans ieħor lil raġel li kien vittma tad-droga

Raġel li nqabad mill-Pulizija jikser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti mill-Qorti ngħata ċans ieħor mill-Maġistrat wara li nnutat li kien qed jagħmel progress biex joħroġ mill-vizzju tad-droga.  Wayne Delia ta’ 31 sena minn Raħal Ġdid twaqqaf mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit fit-toroq tal-Marsa għall-ħabta tas-siegħa u nofs tal-lejl li għadda.

Il-Pulizija sabu li Delia suppost ma kellux ikun barra dakilħin għax il-Qorti kienet ordnatlu biex jibqa’ d-dar bejn il-ħdax ta’ filgħaxija u s-sitta u nofs ta’ filgħodu.  Ir-raġel, li ilu żmien twil jiġġieled il-problema tad-droga, kien iċċertifikat li ma baqax jabbuża mid-droga tliet xhur ilu.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, semgħat li l-akkużat allegatament mar ifittex il-mobile tat-tfajla il-Marsa fejn kienet tilfitu.  Għalkemm l-akkużat naqas milli jiffirma fl-Għassa fil-jumejn li għaddew, l-Avukat Difensur irrimarka li l-klijent tiegħu kellu ċertifikat mediku.

Il-Maġistrat qalet li kienet taf lill-akkużat u kemm-il darba tatu ċans, madanakollu ma xtaqitx twaqqaflu l-progress li għamel dan l-aħħar biex jirriforma ruħu.

Malli ntemmet is-seduta, uffiċjal tas-Sedqa, uffiċjal tal-probation u rappreżentant mill-Fondazzjoni ‘Mid-Dlam għad-Dawl’ segwew lil Delia li ngħata l-ħelsien mill-arrest b’garanzija personali ta’ €5,000 u b’ordni stretta biex kuljum imur jiffirma l-Għassa.  Huwa ġie ordnat ukoll ma joħroġx mid-dar bejn id-disgħa ta’ filgħaxija u s-sitta ta’ filgħodu.

Il-Qorti wissiet lir-raġel biex jevita milli jkompli jxellef difrejh mal-ġustizzja u li jekk jerġa’ jikser il-kundizzjonijiet jista’ jeħel sentenza ta’ ħabs.  Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Mercieca, filwaqt li għall-akkużat deher l-Avukat Noel Bartolo.