Lokali
Il-Qorti tal-Appell tħassar permess mogħti għall-estensjoni tar-ristorant fid-Dwejra

Il-Qorti tal-Appell ħassret permess mogħti mit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar għall-estensjoni tar-ristorant fid-Dwejra Għawdex. Il-permess kien se jżid l-ispazju għas-siġġijiet fir-ristorant u kien se jżid id-dwal artifiċjali fiż-żona.

Fl-appell tagħha, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi qalet li t-Tribunal naqas milli japplika jew interpreta ħażin il-Pjan Strateġiku tal-Iżvilupp u l-Ambjent u li naqas li jagħti protezzjoni xierqa lill-bijodiversità, il-wirt kulturali u l-ġeologija ta’ dawn l-inħawi.

Id-deċiżjoni tat-Tribunal f’Ġunju li għadda qanqlet bosta reazzjonijiet, fosthom mill-Istitut għax-Xjenza Spazjali u l-Astronomija fl-Università ta’ Malta, minn għaqdiet ambjentali u mill-Ministru għall-Ambjent speċjalment minħabba ż-żieda ta’ dwal artifiċjali f’inħawi li huma sit ta’ Natura 2000 u mħarsa bi protezzjoni speċjali mid-Direttiva tal-Għasafar.