Qorti
Il-Qorti tiċħad it-talba ta’ Yorgen Fenech biex terġa’ tiġi kkunsidrata proklama lilu

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ppreseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale ċaħdet it-talba li għamel l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, biex tiddikjara nulla u bla effett id-deċiżjoni tal-Kabinett meta fuq rakkomandazzjoni tal-Avukat Generali u tal-Kummissarju tal-Pulizija, ċaħad it-talba ta’ Yorgen Fenech għall-maħfra presidenzjali.

Fid-29 ta’ Novembru 2019, Yorgen Fenech kien fetaħ rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili biex il-Qorti tħassar id-deċiżjoni tal-Kabinett u riżultat t’hekk it-talba tiegħu għall-maħfra Presidenzjali terġa’ tiġi kkunsidrata.

Yorgen Fenech kien fetaħ dawn il-proċeduri kontra l-Avukat Ġenerali, l-ex Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministri Chris Fearne, Evarist Bartolo, Jose’ Herrera, Michael Falzon, Edward Scicluna, Carmelo Abela, Michael Farrugia, Owen Bonnici, Edward Zammit Lewis, Ian Borg u l-ex Ministri Justyne Caruana u Joe Mizzi, kif ukoll kontra l-Kummissarju tal-Pulizija.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti stabbilixxiet fost oħrajn li t-talba għall-proklama ma ntlaqgħetx u għalhekk Fenech fetaħ proċeduri ċivili. Irriżulta li Yorgen Fenech ried jagħti informazzjoni dwar Keith Schembri għax kien iċ-Chief of Staff tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat u kien jattendi regolarment il-laqgħat tal-Kabinett u kien il-Kabinett tal-Gvern li pproċess u ddeċieda t-talba għall-proklama. Fir-rikors tiegħu, Yorgen Fenech qal ukoll li Keith Schembri b’diversi modi, inkluż bl-intervent ta’ terzi persuni u wegħdiet, għamel minn kollox biex iwaqqaf lil Fenech milli jgħaddi informazzjoni inkriminanti fil-konfront tiegħu.

Riżultat t’hekk, Yorgen Fenech ħass li nkiser id-dritt tiegħu ta’ smigħ xieraq għat-talba għall-maħfra Presidenzjali u li l-integrità tal-investigazzjoni ġiet serjament ippreġudikata meta kellu jitlob lil ex-Prim Ministru Joseph Muscat għall-proklama, li skontu kien il-persuna li “għażel, ħatar u ddefenda għal snin twal” lil Keith Schembri.

Yorgen Fenech qal ukoll li l-Kummissarju tal-Pulizija, kien ukoll involut fil-proċess tal-evalwazzjoni tat-talba tiegħu, u kien persuna maħtura mill-Kabinett li tiegħu Keith Schembri kien membru.

Mill-proċeduri fil-Qorti, il-persuni kontra min Yorgen Fenech fetaħ dawn il-proċeduri fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, ressqu 10 raġunijiet biex iwieġbu għat-talba ta’ Yorgen Fenech fosthom li għajr għall-Avukat Ġenerali li l-funzjonijet tiegħu sussegwentement ġew assunti mill-Avukat tal-Istat, il-persuni l-oħra ma kinux il-leġittimi kontraditturi.

Raġuni oħra kienet li l-proċeduri li fetaħ Yorgen Fenech huma nulli u bla effett għax l-azzjoni ma saritx b’ittra uffiċjali jew protest ġudizzjarji kontra tagħhom kif tipprovdi l-liġi u nfetħu biss quddiem il-Qorti bħala Prim Awla tal-Qorti Ċivili u mhux fil-kompetenza Kostituzzjonali tagħha.

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ppreseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale laqgħet dawn iż-żewġ raġunijiet u lliberat mill-osservanza tal-ġudizzju lill-persuni kollha msemmija ħlief l-Avukat tal-Istat, ġia’ Avukat Ġenerali u ddikjarat ir-rikors minn Yorgen Fenech bħala null. Il-Qorti għalhekk ċaħad it-talbiet ta’ Yorgen Fenech.

Ara wkoll:

Il-Kabinett ma jagħtix il-maħfra presidenzjali lil Yorgen Fenech