Qorti
Il-Qorti tiddikjara l-faċilitajiet tal-lock-up adegwati wara lment ta’ priġunier

Priġunier li kien qed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Qorti talab il-ħelsien mill-arrest u lmenta li l-faċilitajiet f’dan il-post mhumiex adegwati; allegazzjoni li ġiet miċħuda mill-Qorti.

Hanibal Bashir Mohammed ta’ 33 sena mil-Libja kien qed jinżamm arrestat wara li ġie mixli b’pussess ta’ droga mhux għall-użu personali, f’sejba li saret f’appartament f’Marsalforn.

Waqt li talab il-ħelsien mill-arrest, Bashir Mohammed ilmenta mill-faċilitajiet tal-lock-up, fosthom dawk sanitarji, u qal li l-qraba mhux jitħallew jarawh biex iwasslulu l-ħwejjeġ.

Għal dawn l-allegazzjonijiet wieġeb id-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, il-Kurunell Alexander Dalli, li qal li l-priġunieri l-ġodda qed jinżammu f’lock-up tal-Qorti biex jitnaqqas ir-riskju li dawn iġorru magħhom il-Covid-19 fil-ħabs.

Spjega li l-lock-up ġie konvertit b’faċilitajiet sanintarji ġodda, inkluż toilets u showers, u fakkar li anki l-qraba tal-priġunieri f’Kordin bħalissa ma jistgħux iżuruhom minħabba l-istess raġuni.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, ikkonkludiet li l-faċilitajiet huma adegwati fiċ-ċirkostanza preżenti.

Wara li qieset li ma kien hemm ebda oġezzjoni mill-prosekuzzjoni, il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, waqt li ċċarat li d-deċiżjoni mhix relatata mal-allegazzjonijiet tiegħu dwar il-lock-up.

Il-Qorti rabtet lill-akkużat b’għadd ta’ kundizzjonijiet, fosthom li ma jikkomunikax max-xhieda, li jiffirma fl-għassa tliet darbiet f’ġimgħa, li jidħol f’daru sa mhux iktar tard mit-8.00pm u li jintrabat b’garanzija ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €10,000.