Qorti
Il-Qorti tiddikjara magħluqa l-kumpilazzjoni tal-ġbir ta’ provi kontra Silvio Zammit dwar każ ta’ tixħim

Il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat magħluqa l-kumpilazzjoni tal-ġbir ta’ provi kontra Silvio Zammit fuq każ ta’ kompiċità fuq tixħim ta’ €60 miljun minn kumpanija Żvediża tat-tabakk.

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff qalet li d-dewmien wassal għall-ksur tad-dritt fundamentali ta’ Zammit għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli. Il-qorti qalet li l-Avukat Ġenerali kaxkar saqajh billi rrifjuta li jiddikjara l-evidenza tiegħu magħluqa f’każ li ilu għaddej iktar minn sitt snin.

Zammit kien diġà ppreżenta rikors aktar minn sena ilu fil-Qorti Kostituzzjonali minħabba d-dewmien eċċessiv, bl-Avukat Ġenerali ressaq appell, li eventwalment kien ġie miċħud. Il-każ imur lura għall-każ tat-tixħim tal-2012 li fih John Dalli, eks Kummissarju Ewropew, kien allegatament involut bil-Prosekuzzjoni tallega li Zammit kien involut. Il-każ kien żviluppa wara li bdiet investigazzjoni mill-OLAF dwar l-iskandlu tat-tabakk snus. Dak iż-żmien, John Dalli kien Kummissarju Ewropew responsabbli mis-Saħħa.