Lokali
AĠĠORNAT (2): Il-Qorti tirtira l-permess tad-DB f’San Ġiljan fuq kunflitt ta’ interess

Il-Qorti tal-Appell irtirat il-permess lill-grupp DB għall-proġett City Centre fil-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan.

Id-deċiżjoni ttieħdet f’kawża li nfetħet minn tliet kunsilli lokali, NGOs u individwi, li fost oħrajn sostnew li membru tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li vvota favur il-proġett, kellu kunflitt ta’ interess.

Il-Qorti semgħet kif Matthew Pace huwa sid tal-aġenzija Remax Alliance Swieqi, li hija msieħba mal-kumpanija tal-bejgħ u l-kiri tal-proprjetà Remax, liema kumpanija bdiet tirreklama l-bejgħ ta’ proprjetà li tifforma parti minn dan il-proġett, meta l-bord tal-PA kien għadu lanqas ħa vot dwaru.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Mark Chetcuti, innotat li Pace kien f’pożizzjoni li jdaħħal commission minn proprjetà fi proġett li kien għadu mhux approvat mill-bord li huwa kien jifforma parti minnu. Qalet li dan l-interess kellu jiġi ddikjarat mill-bidu nett, u Pace kellu jirrikuża ruħu.

Dwar il-fatt li l-proġett kien ġie approvat b’10 voti kontra 4, u għalhekk il-vot ta’ Pace ma kienx deċiżiv, il-Qorti ddikjarat li dan mhux importanti, għax ladarba jillaxka l-prinċipju ta’ responsabbiltà marbut mal-pożizzjoni, tikrolla ċ-ċertezza ta’ trasparenza u imparzjalità.

Il-Qorti kienet kritika fir-raġunament tat-Tribunal, fejn fost oħrajn iddikjara li l-proġett kellu notorjetà pubblika u li kien hemm membri li esprimew ruħhom pubblikament kif se jivvotaw. Hija qalet li żball wieħed ma jitpattiex bi żball ieħor, u f’dan il-każ kien nuqqas ta’ serjetà u imparzjalità li membri tal-bord jiddikjaraw ruħhom fuq il-proġett qabel il-vot.

Il-Qorti għalhekk laqgħet l-ewwel aggravju tal-kunsilli lokali u l-NGOs u rrevokat id-deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Reviżjoni li ttieħdet fit-28 ta’ Frar li għadda. Iktar minn hekk il-Qorti rrendiet ukoll null il-permess oriġinali maħruġ mill-bord tal-PA fit-28 ta’ Settembru 2018, biex l-applikazzjoni issa trid terġa’ ssir mill-ġdid.

Il-Qorti qalet li f’dan il-kuntest mhux se tikkunsidra l-aggravji l-oħra, billi d-deċiżjoni tagħha għandha sservi ta’ gwida għall-membri kollha fil-bord biex iqisu sew jekk il-pożizzjoni tagħhom hix tenibbli meta jerġgħu jiġu biex jiddeċiedu fuq il-proġett, biex din il-kwistjoni ma terġax tirrepeti ruħha.

F’kummenti lil Television Malta, l-Avukat Claire Bonello li flimkien mal-Avukati Ian Vella Galea u Malcolm Mifsud irrappreżentaw lill-Kunsilli, l-għaqdiet mhux governattivi u r-residenti, iddeskriviet din is-sentenza bħala rebħa kbira għas-soċjetà ċivili.

Hija spjegat kif il-każ tressaq quddiem il-Qorti wara li d-deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Reviżjoni ma kinitx sodisfaċenti. Dr Bonello spjegat li t-Tribunal kien laqa’ wħud mill-punti tal-appellanti, iżda mhux kollha, fosthom dak dwar kunflitt ta’ interess.

Dr Bonello faħħret il-mod kif il-Kunsilli involuti warrbu d-differenzi politiċi u ngħaqdu mal-għaqdiet governattivi u mar-residenti biex iħarsu l-interess tal-lokalitajiet tagħhom. Żiedet li b’din is-sentenza, il-Qorti għarfet li d-deċiżjonijiet tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar għandhom jittieħdu mingħajr l-ebda dell ta’ kunflitt ta’ interess mill-membri.

Television Malta talab ukoll għar-reazzjoni tal-Grupp DB. Kelliem għall-DB wieġeb li l-Grupp mhux jagħti kummenti.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Ikkonfermat il-permess għall-proġett tad-DB fil-Bajja ta’ San Ġorġ – ordnati xi tibdil fil-pjanti