Lokali
Il-Qorti titlob biex kumpaniji li ma jħallsux lill-ħaddiema jibdew jiġu mxandra

Il-Qorti ssuġġeriet li l-Gvern għandu jibda jxandar l-ismijiet ta’ dawk il-kumpaniji li ma jħallsux u jisfruttaw lill-ħaddiema, ħalli b’hekk jiġi avżat min ikun beħsiebu jmur jaħdem magħhom.

Din it-talba saret hekk kif il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, kienet qed tgħaddi ġudizzju fuq omm u bintha li ma ħallsux lil ħaddiem il-paga dovuta lilu, u li diġà kellhom lista twila ta’ każijiet simili.

Mary Rose Vella u bintha Charmaine Vella kienu ordnati jħallsu multa ta’ €1,000 kull wieħed bħala diretturi tal-Hotel Xlendi Resort and Spa, kif ukoll iħallsu lill-ex impjegat tagħhom Ian Scott Moyes l-ammont ta’ €3,252 f’paga li baqa’ ma ħax.

Fil-Qorti Charmaine Vella ammettiet li l-ħaddiem kien dovut dan l-ammont, iżda qalet li ma tridx tħallsu qabel ma jagħmel apoloġija pubblika għall-ħsara li għamel lilha u lil familtha.

Il-Qorti qalet li dan l-argument ma jreġix, u li l-familja Vella setgħet fetħet proċeduri legali kontra l-ex impjegat, iżda ma kellhiex dritt iżżommlu l-paga tax-xogħol li kien għamel.

Wara li nnutat li dan ma kienx l-ewwel każ tagħhom, il-Qorti rrimarkat li dan l-aġir jammonta għal sfruttament tal-persuna, u ssuġġeriet li d-dipartiment governattiv konċernat li jirċievi lmenti konsistenti minn ħaddiema li ma jitħallsux għandu jibda javża lill-pubbliku bihom.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Żewġ persuni se jitressqu l-Qorti ikar tard illum b’rabta ma’ attentat ta’ serqa li seħħet fil-ħanut Crystal Palace f’Ħaż-Żabbar ix-xahar li għadda. Skont il-Pulizija, wara investigazzjoni li ilha sejra għal…

Storja

Heritage Malta għaddejja bi studji biex villa Rumana li tinsab fl-inħawi ta’ Għar Dalam terġa’ tiġi skavata mill-ġdid wara 100 sena, bit-tama li jintefa’ dawl ġdid fuq l-istorja ta’ Malta….

Kronaka

Mara dalgħodu sofriet xi ġrieħi wara li sfat imtajra f’Birkirkara. L-inċident seħħ fil-bypass għall-ħabta tad-9.05am. Mill-ewwel informazzjoni jidher li l-mara ntlaqtet minn vettura li kienet ħierġa minn triq sekondarja għal…

Aktar