Qorti
Il-Qorti titlob iktar infurzar fil-bypass tas-Siġġiewi wara inċident

Il-Qorti talbet lill-awtoritajiet biex iżidu l-infurzar fil-bypass tas-Siġġiewi, li fi kliemha spiss tintuża minn xi sewwieq daqslikieku kienet ċirkwit tat-tlielaq, anki wara li twaħħlet speed camera.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, tat dan id-digriet b’rabta ma’ sentenza li fiha sabet ħati lil sewwieq ta’ Subaru Impreza, li saq b’mod traskurat u bla kont, b’konsegwenza li kkaġuna inċident.

Il-każ seħħ f’April tal-2016, meta l-prosekuzzjoni qalet li Robert Galea kien qed jagħfas il-karozza tiegħu Subaru Impreza bluna fi Triq Mons Mikiel Azzopardi, fejn qabeż tliet karozzi u mar fil-karreġġjata opposta.

Minn faċċata kienet ġejja karozza oħra, bis-sewwieq li spiċċa jiġbed l-isteering biex ma jaħbatx mas-Subaru. Kaġun t’hekk baqa’ dieħel f’siġra.

Il-mod ta’ kif seħħ l-inċident kien ikkonfermat mis-sewwieq li daħal fis-siġra, mill-passiġġiera li kienet miegħu, kif ukoll minn sewwieq ta’ vann li kien fost il-vetturi maqbuża mis-Subaru.

Ix-xhieda kollha qalu li ma rawx il-pjanċi u m’għarfux is-sewwieq minħabba l-ħġieġ skur, iżda minn informazzjoni li rċeviet il-Pulizija waslet għal Galea. Galea ċaħad li kien involut fl-inċident, iżda rriżulta li dakinhar huwa kien għadda minn din it-triq b’din l-għamla ta’ karozza biex mar fl-għalqa ta’ zijuh.

Il-Qorti sabet lil Galea ħati ta’ sewqan traskurat u li qabeż il-linji bojod, u mmultatu €200 u kellu l-liċenzja sospiża għal sebat ijiem.

Il-Qorti qalet li l-ispeed camera mhux qed tkun biżżejjed biex tnaqqas il-veloċità f’din it-triq, u li għandhom jibdew jintużaw ukoll mobile speed cameras mill-Pulizija.