Qorti
Il-Qorti tordna l-qerda ta’ kontejner b’35,000 bearing iffalsifikat

Il-kumpanija Ġermaniża Schaeffler Technologies, li timmanifatura l-bearings tad-ditta KBC, fetħet kawża biex twaqqaf id-distribuzzjoni ta’ prodotti li jimitaw lil tagħha.

Kien id-Dipartiment tad-Dwana li f’Marzu li għadda kkonfiska 16-il pallet li waslu fil-Port Ħieles abbord il-bastiment APL California, u li kien fihom total ta’ 35,000 bearing li kienu fi triqthom lejn negozjant fis-Sirja.

Il-Qorti qieset li t-trademark li tinsab fuq dawn il-bearings hija proprjetà ta’ Schaeffler Technologies AG & Co. KG skont il-marki tal-Unjoni Ewropea (EUTM) u mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).

Għalhekk id-Dwana kienet ordnata biex fi żmien 90 jum teqred dawn il-bearings, bl-ispejjeż tal-kollha marbuta mat-trasport, il-ħażna u l-qerda jridu jitħallsu minn Farouq Abdelahmeed Al Ragheb, li f’ismu kien indirizzat il-kontejner.

Nota: Ir-ritratt ma jurix l-oġġetti ffalsifikati misjuba fil-Port Ħieles