Qorti
Il-Qorti tordna li Adrian Delia jingħata kopja tar-Rapport Egrant iżda m’għandhiex tkun ippubblikata mill-AĠ

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, laqgħet it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, u ordnat lill-Avukat Ġenerali biex jagħtih kopja sħiħa tal-inkjesta Egrant.

Fis-sentenza tagħha fil-kawża li Dr Delia fetaħ kontra l-Avukat Ġenerali, il-Qorti qalet li l-Avukat Ġenerali m’għandux jippubblika r-rapport sħiħ tal-inkjesta.

B’reazzjoni għas-sentenza, Dr Delia qal li din tikkonferma li l-Avukat Ġenerali kiser il-Kostituzzjoni meta ma tahx kopja sħiħa tal-inkjesta Egrant.

“Għandna sitwazzjoni fejn l-AĠ kiser il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. L-AĠ għandu jirreżenja immedjatament. Ma jistax ikollna pajjiż demokratiku meta jkollna s-separazzjonijiet tal-poteri u s-saltna tad-dritt mhux mittiefsa meta jkollok AĠ li jinstab mill-ogħla Qorti tal-pajjiż li kiser il-Kostituzzjoni tal-pajjiż meta xogħlu hu li jiddefendi dik l-istess Kostituzzjoni.”

Mill-Qorti, Dr Delia baqa’ sejjer għand l-Avukat Ġenerali biex jingħata kopja tal-inkjesta. Wara laqgħa mal-Avukat Ġenerali, Dr Delia qal li Dr Peter Grech għarrfu li jrid jumejn oħra qabel ikun jista’ jagħtih kopja sħiħa tal-inkjesta. Dr Delia qal li b’din id-dikjarazzjoni, l-Avukat Ġenerali qed ikompli jikser il-Kostituzzjoni u kompla jinsisti li għandu jingħata r-rapport minnufih.

Il-Gvern, min-naħa tiegħu, ħabbar li l-Prim Ministru, Joseph Muscat, talab lill-Kummissarju għal-Liġijiet, l-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi, biex jistudja s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali u jissuġġerixxi kif dan ir-rapport jista’ jiġi ppubblikat mingħajr ma jinħolqu preġudizzji fl-investigazzjonijiet u fejn jidħlu dettalji privati ta’ persuni li m’għandhomx x’jaqsmu mal-każ.

Il-Gvern żied li minkejja l-konsiderazzjonijiet legali, kif kien qal sa mill-ewwel ġurnata li ġew ippubblikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta maġisterjali, il-Prim Ministru għadu favur li r-rapport sħiħ jiġi ppubblikat.

Il-Partit Laburista fi stqarrija qal li l-Prim Ministru m’għandux x’jaħbi u l-Kap tal-Oppożizzjoni se jkollu jgħid hux se jieħu passi kontra min għamel tiegħu din il-gidba. Qal li issa m’hux se jibqgħalu skużi biex ma jwettaqx dan.

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

Il-ġest li għamel l-MCAST mal-istudenti tiegħu f’Jum San Valentinu ma niżilx tajjeb ma’ kulħadd u xi wħud saħansitra urtaw ruħhom. Matthew Grech, ex persuna gay li kkonverta, qal li dak…

Pulizija

Is-Surġent Simon Schembri qal fi stqarrija li m’għandux x’jaqsam mal-uffiċjali li qed jiġu investigati b’rabta mal-allegat abbuż ta’ sahra u extra duties. Fi stqarrija fuq il-paġna Simon Schembri Blue Light…

Immigrazzjoni

Il-Forzi Armati ta’ Malta kkonfermaw ma’ TVM li dalgħodu ddaħħlu 106 immigrant fXatt it-Tiben bil-P52. Mistoqsija hux mistennija aktar immigranti, l-AFM wieġbet li mhemm xejn ikkonfermat għalissa.

Lokali

Wara l-ħsara teknika fil-Freephone 153 sa minn kmieni lbieraħ filgħodu, matul dawn l-aħħar sigħat is-service provider għamel it-testijiet meħtieġa. Fi stqarrija ntqal li jidher li l-problema li kien hemm ġiet…

Aktar