Qorti
Il-Qorti twaqqaf restorant fl-Isla milli jarma l-imwejjed max-xatt

Il-Qorti laqgħet appell mill-Awtorità tal-Artijiet biex tiġi rtirata deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, li kienet ordnat lill-awtorità tevalwa mill-ġdid l-applikazzjoni ta’ sid ta’ restorant fl-Isla biex joħroġ l-imwejjed tiegħu max-xatt.

Sid ir-restorant, li jġib l-isem Tas-Serena, kien applika għall-permess biex jarma l-imwejjed fi pjazzetta mal-ġenb tar-restorant u ma’ ġenb l-iskall max-xatt.

Fl-għoti tal-permess it-Tribunal kien qal li l-imwejjed tar-restorant mhux se joħolqu ostaklu għat-tlugħ u l-inżul ta’ opri tal-baħar.

Madankollu, l-Awtorità tal-Artijiet saħqet li r-restorant diġà ngħata permess biex jarma l-imwejjed quddiem il-ħanut, u li dan ma setax jingħata wkoll permess ta’ encroachment fuq art li mhix quddiem il-ħanut.

Żiedet li l-Kunsill Lokali kien oġġezzjona wkoll għal dan il-permess minħabba li qal li kien jostakola l-opri tal-baħar u l-pubbliku li ried jagħmel użu minn dan il-post.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, laqgħet l-appell, u qablet li t-Tribunal ma kienx apprezza sew il-fatti u qies ir-raġuni tal-Awtorità għar-rifjut; dik li l-interessi kummerċjali ta’ individwu m’għandhomx jiġu qabel l-interessi ta’ sezzjoni ikbar tal-komunità.

Ikkunsidrat ukoll li sid ir-restorant diġà ngħata permess biex juża art pubblika quddiem il-ħanut għall-imwejjed, u għalhekk ordnat li s-sentenza tat-Tribunal tiġi rtirata.