Qorti
Il-Qorti twarrab l-istqarrija li Andrew Mangion ta lill-Pulizija dwar il-qtil tal-eks martu

Il-Qorti laqgħet it-talba ta’ Andrew Mangion u ordnat l-isfilz tal-istqarrija li kien ta lill-Pulizija meta kien qed jiġi interrogat fuq il-qtil tal-eks mara tiegħu; Eleanor Mangion Walker, li nqatlet b’daqqiet f’rasha f’Lulju tal-2016.

Mangion, li għandu 45 sena, qed ikun mixli li talab lill-eks mara, li hija wkoll omm bintu, biex tgħinu jġorr xi għamara mill-appartament tagħhom fis-Swieqi għal ġo garaxx ftit ‘il bogħod, fejn il-Prosekuzzjoni temmen li qatilha b’daqqiet ta’ oġġett tqil. Huwa qed ikun mixli wkoll li pprova jaħbi l-qtil, u qed jiffaċċja piena ta’ għomru l-ħabs.

Il-Prosekuzzjoni kkonfermat li Mangion kien ingħata twissija u anki kellem lill-avukat tiegħu għal madwar siegħa qabel l-interrogazzjoni, iżda mhux waqtha.

Skont il-liġi ta’ dak iż-żmien, huwa kellu d-dritt li jikkonsulta ma’ Avukat qabel it-teħid tal-istqarrija, iżda ma kellux dritt li jkollu Avukat preżenti waqt ir-rilaxx tal-istqarrija.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, innutat li l-istqarrija tal-akkużat, li skont il-prosekuzzjoni ġiet iffilmjata u maqsuma f’erba’ sessjonijiet, hija waħda voluminuża sew.

Qalet li għalkemm l-akkużat Mangion mhux qed jammetti illi qatel lil Eleonor Mangion Walker, hu xorta waħda b’dak li qal, hemm diversi drabi fejn qiegħed jinkrimina lilu nnifsu.

Għaldaqstant, meta magħduda ma provi oħrajn, il-Qorti qalet li din tista’ taħdem kontrih fil-proċeduri tal-Qorti, u għalhekk iddikjaratha inammissibli, flimkien ma’ partijiet mix-xhieda tiegħu li jagħmlu referenza għall-istess stqarrija.

Meta kienet qed tqis id-deċiżjoni, il-Qorti irrimarkat li l-Qrati f’xi waqtiet qegħdin iqisu li l-istqarrija ma għandhiex titħalla fil-proċess, filwaqt li f’xi waqtiet qegħdin iqisu li l-Qorti ma tistax ‘a priori’ tqis li stqarrija rilaxxata mingħajr ma persuna kellha dritt li jkollha Avukat preżenti bħala prova inammissibbli mingħajr ma jkun hemm provvediment fil-liġi li jeskludi tali prova.

Il-Qorti saħqet li jeħtieġ li jkun hemm direzzjoni ċara, inkluż linji gwida, sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata.