Qorti
Il-Qorti żżid il-kumpens lis-sidien tal-każin tal-Banda De Paule f’Raħal Ġdid

Il-Qorti Kostituzzjonali żiedet il-kumpens tas-sidien tal-każin tal-Banda De Paule f’Raħal Ġdid. Fis-sentena tagħha, il-Qorti żiedet il-kumpens minn €74,000 għal €100,000 wara li qalet li l-emendi fil-liġi dwar l-iżgumbrament huwa abbuż ta’ poter.

F’Aprilt tal-2018, il-Qorti tal-Appell kienet ikkonfermat is-sentenza biex is-Soċjetà Filarmonika Fra Antoine de Paule tiżgombra mill-post. Dak iż-żmien, tvm.com.mt kien infurmat li s-sidien kienu qed jitolbu madwar €4 miljun għall-bejgħ tal-proprjetà, iżda kelliem għas-Soċjetà kien qal li huma ma jifilħux għal din l-ispiża.

Ftit xhur wara, il-Gvern kien daħħal fis-seħħ l-emendi fil-Kodiċi Ċivili bl-għan li tingħata għajnuna u protezzjoni lil soċjetajiet mużikali li jinsabu bil-mannara fuq rashom u b’riskju ta’ żgumbrament mis-sede rispettiva tagħhom. Il-Gvern kien qal li permezz ta’ dawn l-emendi fil-liġi, qed jipprova joħloq bilanċ bejn id-drittijiet tal-inkwilini, f’dan il-każ il-baned u s-sidien.

Ġie spjegat li każini tal-baned li jkunu ilhom jeżistu għal mill-inqas tliet ġenerazzjonijiet jingħataw protezzjoni f’każ li jispiċċaw mingħajr titolu suġġett għall-kundizzjoni li l-ammont tal-kera in kwistjoni togħla b’mod raġonevoli. Barra minn hekk, is-sid se jgawdi wkoll mid-dritt li jikkontesta l-kundizzjonijiet tal-kera quddiem il-Bord li jirregola l-Kera, liema bord qiegħed jingħata d-dritt li jirrimedja kull sitwazzjoni ta’ sproporzjonalità manifesta wara li jkun ħa kunsiderazzjoni tal-funzjonijiet soċjali u kulturali tal-każin. Min-naħa tagħhom, is-sidien tal-proprjetà kienu opponew l-emendi fil-liġi.

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kienet iddikjarat li l-liġi l-ġdida kienet tmur kontra l-kostituzzjoni. Id-deċiżjoni kienet ġiet appellata mill-każin tal-banda, l-Avukat tal-Istat u s-sidien tal-proprjetà.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Kostituzzjonali kkonfermat li l-liġi l-ġdida hija tmur kontra l-kostituzzjoni għax tikser id-drittijiet tas-sidien fosthom li jgawdu mill-proprjetà tagħhom.

Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u  Tonio Mallia kkonkludew li l-liġi l-ġdida hija ċensurabbli u laqgħet it-talba tas-siden biex jiżdied il-kumpens. Hija żiedet il-kumpens bi ftit iktar minn €108,500 li jinkludu €15,000 f’danni morali.

Intant fl-aħħar ġimgħat, il-Gvern ħabbar li se jidħol f’negozjati mal-privat biex jixtri każini tal-baned mill-fondi tal-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali, l-NSDF. Fid-dettalji li ngħataw mill-Ministru Jose’ Herrera u s-Segretarju Parlamentari Alex Muscat intqal li dan se jsir biex il-Gvern jipprovdi soluzzjoni ġusta lis-sidien ta’ propjetajiet privati u jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ żgumbrament ta’ każini tal-baned mill-propjetajiet li jinsabu fihom bħalissa.

Il-Gvern f’negozjati mal-privat biex jixtri l-każini tal-baned mill-fondi tal-NDSF