Il-Qrendi l-aktar lokalitá li riċiklat skart per capita, fl-2019

L-Aħħar kategorija li ġiet ippremjata fil-Malta Waste Reduction Awards kienet il-kategorija ddedikata għal-lokalitajiet Maltin u Għawdxin. Permezz ta’ dan il-premju l-Kunsilli Lokali flimkien maċ-ċittadini tal-lokal qegħdin jiġu nċentivati biex josservaw il-liġijiet relatati mal-ġbir tal-iskart kif ukoll joħorġu b’ideat innovattivi li jindirizzaw  l-iskart iġġenerat filwaqt li jibbenefika l-ambjent tal-lokal innifsu.

Din is-sena il-voti ngħataw fuq kriterji relatati ma’ skart miġbur fil-lokalitajiet. Fosthom; l-ammont ta’ skart riċiklabbli miġbur, it-tnaqqis tal-borża s-sewda u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fir-roadshow truck tal-WasteServ.

Kwalifika fl-ewwel post il-lokal tal-Qrendi li rebaħ is-somma sabiħa ta’ ħamest elef ewro. Dan il-premju ser ikompli jgħin biex il-Kunsill Lokali tal-Qrendi jkompli joħloq iktar proġetti għal ġid tal-ambjent tal-lokal. Is-sena l-oħra l-istess lokal ikkwalifika fit-tieni post, għall-ammont ta’ skart organiku miġbur, għalhekk rebaħ is-somma ta’ tlett elef ewro. Bil-flus mogħtija minn WasteServ, il-Kunsill Lokali tal-Qrendi għamel xogħol ta’ restawr fuq żewġ pilastri. Tajjeb li ngħidu li wieħed minn dawn il-pilastri għandu aktar minn mitejn sena. Iż-żewġ premjijiet mogħtija lill-lokal tal-Qrendi jikkonfermaw l-impenn ċar li għandu dan il-lokal lejn l-ambjent.

Fit-tieni post ikkwalifika l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan u għaldaqstant rebaħ is-somma ta’ tlett elef ewro filwaqt li fit-tielet post ikkwalifika l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar, li rebaħ elfejn ewro. Proġetti bħal dawn isaħħu l-prodott turistiku tal-irħula tagħna filwaqt li jkomplu jagħtu ġieħ lill-ambjent u l-patrimonju Malti.