Qorti
Il-qtil doppju f’Tas-Sliema: Muka u Kristiansen kienu fir-residenza meta ġew sparati t-tiri, Dragomanski baqa’ fil-karozza

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, dalgħodu bdiet tinstema l-kumpilazzjoni fil-konfront tat-tielet suspettat fil-qtil doppju ta’ Dr Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski, id-Daniż Jesper Kristiansen ta’ 30 sena.

Xehed is-Supretendent James Grech fost oħrajn dwar kif ġie mgħarraf bil-qtil doppju tat-18 ta’ Awwissu 2020 fi Triq Locker f’Tas-Sliema u kif wasslu għat-tliet suspettati mill-investigazzjonijiet li saru, fost oħrajn minn diversi filmati ta’ cameras tas-sigurtà.

Qal li Daniel Muka kien arrestat fil-25 ta’ Awwissu fil-Furjana. Meta kien interrogat mill-pulizija, Muka ammetta li kien preżenti dak inhar tal-qtil u ta lill-pulizija informazzjoni dwar iż-żewġ persuni l-oħra. Muka qal li kienu t-tnejn l-oħra li sparaw mhux hu. Xehed li l-ewwel lill-pulizija qalilhom li kien Jesper li spara u mbagħad qalilhom li kien Victor. Iżda mill-investigazzjoni rriżulta li kien hemm żewġ persuni fir-residenza qabel kienu sparati t-tiri u dawn kienu Daniel Muka u Jesper Kristiansen. Victor Dragomanski baqa’ fil-karozza barra.

Victor Dragomanski u Daniel Muka

Is-Supretendent Grech qal li Victor Dragomanski kien arrestat fis-26 ta’ Awwissu u lill-pulizija qalilhom li kien miexi bil-kelb meta Muka u Jesper waqfuh u talbuh imur magħhom għal biċċa xogħol li ma kienx jaf x’kienet. Mill-investigazzjonijiet irriżulta li dak inhar tad-delitt, Victor Dragomanski baqa’ fil-karozza u wara li nstemgħu t-tiri, ħareġ għalih Jesper u meta daħlu flimkien fir-residenza raw lil Dr Pandolfino jieħu l-aħħar nifsijiet u lil Daniel Muka fis-sular ta’ fuq.

Jesper Kristiansen

Kompla jixhed li l-pulizija identifikaw lit-tielet suspettat bħala Jesper Kristiansen, Daniż ta’ 30 sena. Qal li Daniel Muka tressaq il-Qorti fis-27 ta’ Awwissu u Victor Dragomanski fit-28 ta’ Awwissu. Xehed li saru sforzi biex isibu lil Jesper fir-residenza reġistrata fil-Gżira iżda sibna li kien ilu li ħareġ mir-residenza x-xhur. Żied li l-pulizija għamlet kuntatt ma’ ħabib ta’ Jesper li qalilhom li Jesper kien qed jgħix mat-tfajla ta’ nazzjonalità Ungeriża f’tas-Sliema. Xehed li l-pulizija marret tkellimha u qaltilhom li Jesper kien telaq minn Malta fit-28 ta’ Awwissu fis-6.30am fuq titjira ta’ Ryanair. Ma kinetx taf għal liema destinazzjoni.

Is-Supretendent Grech qal li minn filmati li elevaw mill-ajruport, raw lil Jesper Kristiansen u immedjatament ħarġu mandat ta’ arrest. Qal li Jesper Kristiansen kien arrestat fi Spanja fit-30 ta’ Awwissu. Żied li minn Spanja bagħatulhom il-fingerprints ta’ Jesper u dawn qablu mal-fingerprints li sabu fuq bieba tal-vettura li ntużat fil-qtil. Temm jixhed li Jesper inġieb Malta fid-19 ta’ Novembru 2020 u mal-pulizija ma’ tkellem xejn.

L-avukat Stefano Filletti qed jidher għal Jesper Kristiansen.