Politika
Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia: taqsima apposta fi ħdan is-Servizz tas-Sigurtà

Is-Servizz tas-Sigurtà Malti għandu taqsima apposta dedikata għall-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti għall-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan joħroġ mir-rapport annwali tal-Kumitat Nazzjonali tas-Sigurtà għas-sena li għaddiet fejn jingħad li l-uffiċjali fit-taqsima żdiedu u sar ħafna xogħol li jista’ jgħin biex il-każ jiġi solvut.

Imwaqqaf biex iħares is-sigurtà tal-pajjiż u tal-Maltin, is-Servizz tas-Sigurtà rrapporta li ddedika riżorsi sostanzjali għat-terroriżmu. Intqal li dan ma seħħx għax hemm xi theddida diretta kontra Malta, iżda għax hu meħtieġ li jkun aktar viġilanti u attiv f’dan il-qasam sensittiv.

Is-sehem tas-Servizz tas-Sigurtà fl-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma waqafx mal-arrest f’Diċembru 2017 tat-tliet irġiel li għaddejjin proċeduri fil-qorti mixlija bil-qtil tal-ġurnalista. Fir-rapport annwali dwar ħidmet is-Servizz tas-Sigurtà li ġie ppreżentat fil-Parlament, intqal li s-sena l-oħra l-membri ta’ taqsima apposta li s-servizz waqqaf dwar il-każ komplew jaħdmu ma’ entitajiet oħra u wettqu ħafna xogħol biex tinġabar aktar informazzjoni. Intqal li l-uffiċjali f’din it-taqsima żdiedu u minbarra l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ġew inkarigati jaħdmu fuq reati serji oħra.

L-għan tas-Servizz tas-Sigurtà hu li jipproteġi s-sigurtà nazzjonali. Fil-qalba tas-servizz hemm il-ġbir ta’ informazzjoni li ssir b’sistemi u mezzi differenti bħall-interċettar legali, l-internet u l-midja soċjali. Din l-informazzjoni tiġi analizzata u tinqasam ma’ entitajiet oħra inkarigati mill-infurzar tal-liġi bħall-Pulizija u d-Dwana. Fir-rapport jissemma li qabdiet kbar ta’ droga li saru fl-2018 kienu riżultat tal-kordinazzjoni bejn il-forzi tal-ordni. Is-servizz jagħti ħafna piż liż-żamma ta’ kuntatti tajbin ma’ Servizzi ta’ Sigurtà barranin.

Fir-rapport jintqal li mal-ħidma kontra l-importazzjoni u t-traffikar tad-droga u l-kuntrabandu, qed tinħass aktar il-ħtieġa li jiżdiedu l-attenzjoni u r-riżorsi fil-qasam tat-terroriżmu. Is-sena l-oħra s-sitwazzjoni lokali kienet normali u ma ġie rappurtat l-ebda inċident relatat ma’ terroriżmu. Intqal li s-Servizz m’għandu l-ebda tagħrif li xi individwi jew gruppi għandhom il-kapaċità u l-intenzjoni li jwettqu attakk terroristiku kontra Malta jew kontra interessi barranin f’Malta. Madankollu, is-Servizz tas-Sigurtà sostna l-impenn li jibqa’ viġilanti dwar dak li jkun għaddej, speċjalment fir-reġjun tagħna, għax fi kliemu t-terroriżmu m’għandux fruntieri u ebda pajjiż mhu eskluż minn din l-isfida.

Ħidmet is-Servizz tas-Sigurtà hi sorveljata mill-Kumitat tas-Sigurtà, iffurmat mill-Prim Ministru u mill-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Minsitru tal-Intern u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin u s-Segretarju tal-Kabinett.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Maltapost qalet li l-ħidma tagħha għadha ma ġietx lura għan-normal riżultat fost l-oħrajn ta’ tnaqqis b’aktar min-nofs fit-titjirjiet kummerċjali, iż-żieda fix-xiri online u l-akkumulazzjoni ta’ posta f’tliet pajjiżi Ewropej. Il-Maltapost…

COVID-19

Tħassar ukoll il-kunċert ta’ Joseph Calleja li din is-sena kellu jsir fl-4 ta’ Settembru fuq il-Fosos tal-Furjana u li issa mistenni jsir f’format differenti. NnG Promotions, l-organizzaturi tal-kunċert li bħala…

Annimali

Ilbieraħ, il-BirdLife Malta ġabret għasfur pjuttost rari li huwa sottospeċi Mediterranja tal-Bies, li nstab ferut b’tiri ta’ senter fl-Għarb, Għawdex. Fi stqarrija, il-BirdLife qalet li l-għasfur instab minn familja li…

Lokali

L-Awtorità tal-Ippjanar skedat fl-ewwel grad Villa Barbaro f’Ħal Tarxien, waħda mill-iktar binjiet antiki fil-pajjiż, biex tingħata iktar protezzjoni. Dan l-iskedar sar b’kollaborazzjoni mas-Supretendent tal-Wirt Kulturali li estenda iktar propjetajiet għall-iskedar…

Aktar