Qorti
Il-qtil ta’ Grech: 6 minn 7 stqarrijiet ta’ akkużat mixli bil-qtil makabru mhux se jinstemgħu quddiem il-ġurati

Tliet imħallfin ma laqgħux it-talba tal-Avukat Ġenerali biex fil-ġuri dwar il-qtil ta’ Simon Grech jinstemgħu l-istqarrijiet li ta wieħed miż-żewġt irġiel mixlijin bid-delitt lill-Pulizija meta l-vittma kienet għadha rrapportat nieqsa.

Ismael Habesh mil-Libja u Faical Mahouachi mit-Tuneżija huma mixlija li qatlu lil Grech ta’ 20 sena fil-Marsa f’April ta’ 16-il sena ilu u qed jistennew li jgħaddu ġuri dwar dan il-qtil.

L-għajbien ta’ Grech kien irrappurtat fil-5 ta’ April bil-katavru tagħha jinstab f’għalqa fit-13 ta’ April fil-Marsa. Mill-awtopsja ħareġ li l-vittma nqatlet bi 17-il daqqa ta’ sikkina.

L-omiċidju seħħ meta l-vittma allegatament kienet qed titlajja għal skopijiet ta’ prostituzzjoni, u ġiet avviċinat miż-żewġ akkużati. Fil-Qorti ntqal li Habesh kellu relazzjoni mal-vittma, u dakinhar qabad jargumenta magħha u aggrediha. L-akkużat l-ieħor kien fil-karozza, u allegatament ħareġ jassisti lil sieħbu. Iż-żewġ akkużati huma mixlija li ġarrew lil Grech f’għalqa, fejn tawha 17-il daqqa ta’ sikkina u qatluha.

Huma jinsabu mixlijin li qatlu lil Grech; li kellhom fil-pussess tagħhom sikkina mingħajr permess. Habesh waħdu jinsab mixli wkoll li kellu għandu Ford Escort misruqa. Meta ġew biex jinstemgħu l-punti legali qabel jibda’ jinstema’ l-ġuri, Habesh ilmenta mal-Qorti Kriminali li meta ġie interrogat mill-Pulizija ma kienx assistit minn avukat.

Il-Qorti Kriminali laqgħetlu l-argument madankollu l-Avukat Ġenerali appella. Minkejja dan il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Edwina Grima u Giovanni Grixti ma laqgħux l-appell tal-Avukat Ġenerali.

Huma rrimarkaw li sebgħa mis-sitt stqarrija li Habesh ta lill-Pulizija, huma ma tawhx id-dritt li jkellem avukat peress li dan id-dritt kien għadu ma daħalx.

It-tliet imħallfin irrimarkaw ukoll li dawn l-istqarrijiet ittieħdu meta l-vittma kienet għadha nieqsa u ma kienx mgħarraf li qed jiġi investigat dwar il-qtil kif seħħ qabel l-aħħar stqarrija.

Kien għalhekk li kkonfermaw id-deċiżjoni li quddiem il-ġurati tinstema’ biss l-aħħar stqarrija li tahom fl-2013 u ma jinstemgħu s-sitta l-oħra li tahom bejn l-2005 u l-2009.