Lokali
Il-UĦM tgħid li l-miżuri mħabbra mhumiex stretti daqs dawk tas-sena l-oħra

Il-UĦM Voice of the Workers laqgħet id-deċiżjoni tal-gvern li jħarrax il-ġlieda kontra l-COVID-19 iżda qalet li tħoss li l-miżuri huma dgħajfa, messhom ittieħdu qabel u reattivi.

Irrimarkat li f’sitwazzjoni ferm agħar minn sena ilu, dawn il-miżuri mhumiex stretti daqs dawk tas-sena l-oħra. Qalet li l-gvern għandu jara li ma jiġrix kif ġara sena ilu meta impjegati bit-telework ġew diskriminati għax ma ngħatawx allowances dovuti lilhom.

Min-naħa tagħha l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Ikel qalet li l-miżuri mħabbra ma jilħqux bilanċ bejn il-ħajja u l-għajxien waqt li ma jindirizzawx il-problema vera li ntqal hi l-infurzar.

L-assoċjazzjoni qalet li minħabba n-nuqqas ta’ infurzar, għal darb’oħra l-membri tagħha se jerġgħu jħallsu l-prezz għax l-awtoritajiet tas-saħħa attakkaw lill-intrapriżi żgħar flok lill-bullies.