COVID-19
“Il-vaċċin isalva l-ħajja ta’ mijiet ta’ eluf fl-Ewropa” – studju tal-WHO

Studju li sar mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa juri li t-tilqima kontra l-Covid-19 salvat mijiet ta’ eluf ta’ ħajjiet f’aktar minn 30 pajjiż fl-Ewropa, imma t-tilqima waħedha mhijiex biżejjed.

Dr Natasha Azzopardi-Muscat, Direttur fl-Għaqda Dinjija tas-Saħħa fir-Reġjun tal-Ewropa, saħqet li fuq l-għatba tax-xitwa u bil-każijiet qed jiżdiedu għandna nibqgħu nsegwu l-miżuri ta’ prevenzjoni, inkluż l-ilbies tal-maskra.

“Fejn hu possibbli, fejn tkun ġewwa, fejn tkun miġbur man-nies, skejjel, universitajiet, postijiet tax-xogħol, fejn l-arja m’intix qiegħed barra imma qiegħed ġo post magħluq allura l-maskra tgħin. It-tieni ħaġa aħna Malta mberkin il-klima għadha mhijiex qed tkidna ħafna fejn tista’ anke tmur toħroġ tiekol barra aħjar minn ġewwa, fejn tista’ tiftaħ it-twieqi biex l-arja tiċċirkola dejjem aħjar.”

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tememn li bit-tilqima u l-booster tagħha u bil-miżuri huwa possibbli li t-tbassir tagħha li jista’ jkun hemm sa nofs miljun mewta kawża tal-Covid bejn issa u Marzu ma sseħħx.

Waqt il-programm TVAM, Dr Azzopardi Muscat ma eskludietx li jaf ikun hemm min ikollu bżonn jitlaqqam kull sena kontra l-Covid-19 bħalma kull sena nitlaqqmu kontra l-influwenza. Però qalet li l-pandemija lanqas ilha magħna sentejn u għadhom għaddejjin l-istudji dwar kemm hemm bżonn dożi tat-tilqima u frekwenza għal immunità tajba.

“Jista’ jkun, għadna ma nafux biċ-ċert, imma jista’ jkun li din tkun sitwazzjoni bħal tal-influwenza li kull staġun hekk kif tibda’ dieħla x-xitwa jkun hemm pereżempju faxxa tal-popolazzjoni li jkollha bżonn titlaqqam. Għadna ma nafux, għadu kmieni wisq imma għalkollox iridu nkunu lesti”

Dr Azzopardi Muscat qalet li l-pajjiż li ma żammewx il-miżuri ta’ prevenzjoni, li waqqfu l-miżuri kompletament, u ma laqqmux nies biżejjed qed jesperjenzaw dak li sejħet “an explosive cocktail” għax qed jesperjenzaw żieda fil-każijiet u aktar imwiet. Madankollu, żiedet li f’pajjiżi bħal Malta li laqqmu sew u bdew ukoll jagħtu t-tielet doża lil nies vulnerabbli, in-numru ta’ mwiet mhux qed jitla’ bl-istess rata ta’ każijiet.