Settur Marittimu
Il-Valletta Cruise Port b’miżuri ambjentali biex jiġi ċertifikat bħala port ekoloġiku

Il-kumpanija Valletta Cruise Port li tmexxi t-terminal tal-passiġġieri tal-cruise-liners u faċilitajiet oħra fil-Port il-Kbir qed tieħu miżuri favur l-ambjent biex tikseb ċertifikazzjoni ta’ port ekoloġiku.

Intervistat minn TVM, il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port tkellem ukoll dwar investimenti li se tidħol għalihom il-kumpanija biex l-infrastruttura tagħha tkun adegwata għall-vapuri akbar li deħlin fl-industrija.

L-industrija dinjija tal-cruise-liners qed tkompli tikber u qed tmur għal vapuri akbar fid-daqs li jaqbżu s-70,000 tunellata u jġorru ‘l fuq minn 5,000 passiġġier.

F’dan l-isfond il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port, Stephen Xuereb, spjega li l-kumpanija għandha f’idejha l-permessi biex twessa bi 15-il metru l-mollijiet magħrufa bħala Pinto 4 u 5, li jiġu wara l-bini tad-Dwana. Spjega li dan se jippermetti li hawnhekk jorbtu vapuri kbar mingħajr il-ħtieġa tal-braken li jintużaw bħalissa u għalhekk l-operat ikun aktar sigur u attraenti. Qal li minħabba li l-estensjoni se ssir fil-baħar, li mhux tal-kumpanija, għaddejjin negozjati mal-gvern biex jiġi emendat il-kuntratt ħalli l-moll ikun jista’ jitwessa’.

“Ix-xogħol irid jinqasam fuq żewġ jew tliet staġuni. Ir-raġuni hi li aħna ma nistgħux nitilfu l-moll għal sena sħiħa għax aħna ovvjament għandna domanda dejjem ġejja u rridu nakkomodaw il-vapuri. Allura x-xogħol irid isir fuq żewġ perjodi ta’ Xitwa, jiġifieri naħsbu li nibdew minn Novembru sa Marzu, mhux ta’ din is-sena imma tas-sena d-dieħla, u Novembru sa Marzu tas-sena ta’ wara.”

Mistoqsi jekk il-kumpanija għandhiex fi ħsiebha proġetti oħra, is-Sur Xuereb qal li qed jistennew il-permess biex spazju f’nofs l-imħażen ta’ Pinto li twaqqa’ fil-gwerra u baqa’ battal jinbidel f’parkeġġ fuq għadd ta’ sulari, waqt li għaddejjin negozjati għall-użu tal-powerhouse, binja kbira li laqgħet l-ewwel power station f’Malta. Għalkemm ma żvelax l-użu propost għal hawnhekk, qal biss li jekk in-negozjati jiġu konklużi se jitwettaq proġett interessanti għall-pajjiż.

Mistoqsi dwar il-kritika lill-industrija dwar it-tniġġis tal-vapuri, Stephen Xuereb qal li l-kumpaniji tal-cruises qed jinvestu aktar minn biljun dollaru f’teknoloġija favur l-ambjent fosthom bl-installazzjoni ta’ tagħmir li jsaffi l-arja, trattament għad-drenaġġ, l-installazzjoni ta’ pannelli tax-xemx u t-tħaddim tal-magni bl-użu tal-lng minflok il-heavy fuel oil.

Minkejja li l-kumpanija m’għandhiex vapuri, is-Sur Xuereb qal li bħala l-operatur tat-terminal tal-passiġġieri fil-Port il-Kbir qed jagħtu widen għall-effetti fuq l-ambjent u s-sostenibbiltà.

“Min-naħa tagħna, bħala port, qed nieħdu miżuri biex nagħmlu environmental risk management system u fil-fatt għaddejjin biex niġu ċertifikati bħala port ekoloġiku. Jiġifieri għaddejjin bi green port certification process biex nieħdu miżuri li jkunu favur l-ambjent.”

Il-maġġoranza tal-ishma fil-Valletta Cruise Port issa ilhom erba’ snin f’idejn il-kumpanija Torka, Global Ports Holding. It-terminal tal-Belt hu wieħed minn 17-il port f’disa’ pajjiżi fil-Mediterran, l-Asja u l-Karibew parti minn dan il-grupp li hu l-akbar operatur fid-dinja ta’ portijiet tal-cruise-liners.

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

Mit-Tnejn li ġej l-Università ta’ Malta se jibdew ċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni għal tliet elef u ħames mitt student, li aktar minn sittin fil-mija minnhom huma nisa. F’quddiesa ta’ ringrazzjament, l-Isqof…

Statistika

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li kien hemm 31 studenti tfajliet li ġew riferuti lis-servizz Għożża tul is-sena skolastika li għaddiet. Is-servizz Għożża joffri għajnuna lil tfajliet fl-età tal-iskola obbligatorja…

Lokali

565 persuna kienu rrapportati lill-Pulizija bħala nieqsa mill-bidu tas-sena sa tmiem Settembru. Minn dawn il-persuni 514 instabu waqt li 51 oħra għadhom irrapurtati nieqsa. Dan it-tagħrif ingħata fil-Parlament mill-Ministru għall-Affarijiet…

Aktar