Il-Valletta Design Cluster; Investiment ta’ għaxar miljun ewro biex bini abbandunat jingħata lura lill-Maltin u l-Għawdxin

Matul is-snin ittieħdu diversi miżuri u inizjattivi biex il-Belt Kapitali tieħu l-ħajja u ssir magħrufa ma’ bosta, għall-attivitajiet soċjali kontinwi li kienet toffri ta’ kuljum.‘Popolin’ iddiskuta l-Belt Valletta, l-ħajja soċjali u kulturali tagħha u dak li issa qiegħed jissejjaħ il-Valletta Design Cluster.

Fost diversi proġetti implimentati biex din il-belt tieħu l-ħajja nsibu diversi xogħolijiet ta’ riġenerazzjoni. Fil-fatt wara żmien ta’ abbandun, fl-2018 bdew ix-xogħolijiet biex l-istruttura tal-Biċċerija l-Antika tinbidel fil-Valletta Design Cluster. Dan il-bini fin-naħa t’isfel tal-Belt Valletta kien mitluq għal kollox, biss illum qed jerġa jingħata l-ħajja grazzi għall-proġett li bbenefika minn fondi Nazzjonali u Ewropej bl-appoġġ tal-fondazzjoni Valletta2018, li kienet responsabbli għat-titlu ta’ Kapitali Ewropeja tal-Kultura. Il-Valletta Design Cluster, fost oħrajn qed isirilha spazju attrezzat bl-għodda, numru ta’ kmamar fejn jistgħu jsiru laqgħat u konferenzi, spazju għall-ikel, studios li jistgħu jinkrew mill-privat, residenzi għall-prattikanti li jżuru jew jaħdmu fil-binja u ġnien pubbliku fuq il-bejt.

Tkellimna ma’ Dr Jean Pierre Magro, Konsulent dwar il-Komunikazzjoni u l-Istrateġija. Magro spjega li wieħed mill-għanijiet ewlenin wara l-proġetti implimentati mill-Valletta2018 u sussegwentement mill-Valletta Cultural Agency huwa li jingħataw lura l-ispazji pubbliċi lill-pubbliku ġenerali. “Minn bini mitluq u abbandunat dan l-ispazju se jinfetħu l-bibien tiegħu għal kulħadd, b’investiment ta’ l-fuq minn għaxar miljun ewro”. Dan l-ispazju kapaċi jilqa’ persuna li għandhom ix-xewqa jipprattikaw xi snajja’, individwi li jixtiequ spazju biex jaħdmu flimkien u persuni li qed ifittxu post ta’ rikreazzjoni għalhekk hija binja li tista’ tiġi użata b’diversi modi.

Caldon Mercieca, Maniġer tal-Valletta Design Cluster tenna li l-iskopijiet magħżula għal dan l-ispazju jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ dawn is-setturi. “Fil-bidu li beda l-proġett irrealizzajna li l-Gvern qiegħed jinvesti ħafna fil-qasam edukattiv, kulturali u kreattiv biss wara li persuna tispiċċa l-istudji tagħha ma kienx hemm spazji jew pjattaformi fejn wieħed jiltaqa’ ma’ nies oħra, jikkollabora u jaqsam dak li jaf”. Huwa spjega li dan l-ispazju se jkun qed joffri l-faċilità li taħdem is-snajja’ kemm b’għodod tradizzjonali bil-possibilità li tikkollabora ma’ nies bi snin twal ta’ esperjenza kif ukoll apparat u magni kontemporanji bħal ma huma l-laser-cutting u 3d Printing. Biss l-iktar ħaġa importanti iktar milli l-apparat hija l-opportunità li tiltaqa’ u taħdem ma’ individwi oħra b’interessi u abbiltajiet simili.

Il-Valletta Design Cluster mistennija tinfetaħ uffiċjalment fl-24 ta’ Marzu.