Lokali
Il-verżjoni l-ġdida ta’ ‘Another Summer Night’ mal-aktar 50 kanzunetta popolari fid-dinja

Il-verżjoni l-ġdida tal-kanzunetta ‘Another Summer Night’ ta’ Fabrizio Faniello qed tinżel għasel anki lil hinn minn xtutna.

Il-kanzunetta bħalissa tinsab mal-aktar 50 silta popolari fuq skala internazzjonali fi klassifika maħruġa mis-sit Music Worx. ‘Another Summer Night’ tinsab ukoll mal-ewwel 40 fl-Ażja fi klassifika oħra maħruġa mill-istess sit.

Fl-aħħar jiem, apparti verżjoni friska tal-kanzunetta oriġinali, Fabrizio nieda wkoll għadd ta’ remixes għad-diskoteki kif ukoll verżjoni ma’ oħtu, Claudia Faniello.

Il-verżjoni oriġinali ta’ ‘Another Summer Night’ ħarġet fl-2001 u rrappreżentat lill-gżejjer Maltin fil-Eurovision Song Contest li kien sar fid-Danimarka. Biha, Fabrizio rnexxielu jnaqqax isem Malta fid-disa’ post tal-klassifika aħħarija.