Lokali
Il-Viċi President tal-FIA jgħid li l-proġett tat-trakka se jpoġġi lil Malta fuq il-mappa dinjija tal-motorsport

F’attività fit-trakka tal-kwart ta’ mil f’Ħal Far li matulha tniedew il-pjani għal trakka ġdida tal-motorsports f’pajjiżna, b’investiment ta’ €20 miljun, is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima qal li x-xogħol fuq dan il-proġett ilu għaddej xhur, fejn fi Frar li għadda kellu l-ewwel laqgħat dwar it-trakka, u wara żmien twil ta’ pjanar, il-Gvern issa jinsab f’pożizzjoni li jniedi dan l-investiment.

Dr Grima qal li dan huwa investiment li se jara lill-barranin jiġu f’pajjiżna sabiex jikkompetu, u mhux bil-kontra. Qal li t-trakka ilha tissemma’ f’għadd ta’ manifesti elettorali għal dawn l-aħħar ħamsin sena, u iżda qatt ma mmaterjalizzat. Qal li għalhekk dan juri r-rieda tal-Gvern sabiex verament jgħolli l-livell tal-isport f’pajjiżna.

Is-Segretarju Parlamentari qal li l-kumpanija li ħadmet fuq id-disinn ta’ din it-trakka hija waħda Ġermaniża li kienet il-moħħ wara għadd ta’ trakki oħra tal-Formula wieħed. Qal li t-trakka se tkun waħda tal-ogħla livell tant li mill-2023 se jkunu qed jibdew isiru f’pajjiżna għadd ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali, u li din it-trakka se tkun l-aqwa waħda fil-Mediterran.

“Nista’ ngħid li llejla stess kont qiegħed f’diskussjoni ma’ entitajiet internazzjonali li jridu jiftħu l-kampjonati Ewropej f’pajjiżna mis-sena 2023”, qal Grima.

It-trakka se tinbena Ħal Far madwar it-trakka eżistenti tal-kwart ta’ mil, b’investiment ta’ sittax-il miljun ewro. Erba’ miljuni oħra se jmorru għar-rinovar tal-faċilitajiet eżistenti. Dwar x’miżuri se jieħu l-Gvern sabiex jassigura l-inqas inkonvenjent possibbli għar-residenti li jgħixu qrib dan il-proġett, Dr Grima qal li hemm għadd ta’ pjani sabiex anke l-ħoss ikun mill-inqas, anke bl-installazzjoni ta’ għadd ta’ sound barriers.

Il-Viċi President tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Motorsports (FIA), Graham Stoker, qal ma’ Television Malta li proġett bħal dan se jkun qed ipoġġi lil Malta fuq il-mappa tad-dinjija motorsport.

“The plans are just right for the time actually, the federation is strong, motorsports is strong, and I love this partnership with the Government.. everything is in place here, the funding, the land, the position is great.. and I think this is going to make a great difference for motorsports in Malta”, qal Stoker.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat, qal li dan il-proġett mistenni joħloq iktar minn mitejn impjieg ġdid f’pajjiżna – u allura dan il-proġett se jkun wieħed sostenibbli fejn permezz tiegħu l-Gvern se jkabbar anke l-ekonomija tal-pajjiż. Qal li l-flus ġejjin mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp, li qal l-għan tiegħu hu li jara li jinvesti fi proġetti ta’ dan it-tip li jagħtu lura valur lill-komunitajiet.