COVID-19
‘Il-virus kien ilu jdur f’Wuhan qabel Diċembru tal-2019’ – il-missjoni tal-WHO fiċ-Ċina

Il-missjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa li qed tinvestiga l-oriġini tal-Covid-19 skopriet li l-pandemija kienet diġà ferm iktar mifruxa fil-belt ta’ Wuhan mill-oriġinarjament maħsub lura f’Diċembru tal-2019.

Fil-fatt il-missjoni qed tara li tinvestiga mijiet t’eluf ta’ kampjuni tad-demm, liema kampjuni qed jinżammu msakkra għand l-awtoritajiet tas-saħħa Ċiniżi.

Il-Kap tal-missjoni Peter Ben Embarek qal li l-missjoni tal-WHO skopriet sinjali li l-pandemija kienet diġà stabbilità f’Wuhan lura fl-2019, fejn saħansitra kienu jeżistu diġà għexieren ta’ varjanti f’Wuhan stess. It-tim tkellem ukoll mal-pazjent li l-awtoritajiet Ċiniżi qalu li kien l-ewwel wieħed li kien infettat. Dan kien ħaddiem tal-uffiċju li għandu madwar 40 sena, li ma kien vjaġġa mkien, u li kien rappurtat li ġie nfettat fit-8 ta’ Diċembru.

Żied jgħid li aktarx il-virus kien ilu ferm qabel idur fil-belt ta’ Wuhan u madwar iċ-Ċina minn meta ġie rrappurtat oriġinarjament.