Qorti
Il-vittma ta’ Mifsud tirrakkonta kif ma kinitx taf hux se joqtolha jew jistupraha

Anna Karsbjer irrakkuntat fil-qorti kif ħasbet li Frederick Mifsud kien se joqtolha jew jistupraha meta attakkaha waqt li kienet qed tixxemmex ħdej il-baħar, fil-Belt Valletta.

Il-każ imur lura għat-28 t’Awwissu li għadda meta Karsbjer, li kienet qed titkellem ma’ missierha fuq it-telephone, waqfet biex tgħid lil Mifsud, li kien viċin tagħha, biex iżomm id-distanza soċjali.

Imbikkma, Karsbjer irrakkuntat quddiem il-Maġistrat Nadine Lia kif dan minnufih qabeż fuqha, qabadha minn xagħarha u beda jsabbtilha rasha u wiċċha mal-blat u kif bdiet tħoss id-demm ma’ wiċċha. Hija rrakkuntat kif ippruvat taħrab iżda ma rnexxielhiex qabel ma l-aggressur waqaf zoptu u telaq minn fuq il-post.

Karsbjer qalet li għadha trawmatizzata sal-ġurnata tal-lum minkejja t-terapija li qed tieħu u l-kura li ngħatat fl-isptar. Hija marret ukoll fi sptar privat fejn ġiet infurmata li ġarrbet xi ksur f’imneħirha u li l-ġrieħi li ġarrbet jafu jaffettwawlha l-vista.

It-tfajla kienet ittieħdet l-isptar għall-kura wara li talbet lil xi persuni għall-għajnuna fejn din ġiet eskortata mill-Pulizija.

Mistoqsija mill-Avukati difensuri, Marion Camilleri u Franco Debono x’ton użat biex kellmet lill-imputat u jekk kinitx taf jekk l-aggressur jifhimx bl-Ingliż, Karsbjer wieġbet li kulħadd jifhem il-kuntest ta’ Covid-19.

Waqt l-interrogazzjoni, Mifsud ammetta li attakka lil Karsbjer.

Il-każ ikompli jinstema’ f’Novembru.

Ara wkoll:

Il-qorti ordnat li jinżamm Monte Carmeli wara li attakka u darab tfajla li kienet qed tixxemmex