Lokali
Il-vittma tal-isparatura fl-Iklin kien instab ħati ta’ bosta każi ta’ frodi

Vincent Xuereb, ir-raġel ta’ 55 sena li l-ġimgħa li għaddiet intlaqat minn tiri waqt sparatura fl-Iklin, kien instab ħati ta iversi każi ta’ frodi minħabba l-vizzju tal-logħob.

Sentenzi tal-qorti juru li Xuereb, magħruf bħala Ċensu l-Oranġjo kien instab ħati ta’ bosta każi ta’ frodi fil-konfront ta’ diversi persuni.

Ryan Sultana, li jaħdem bħala ġardinar, qed jinżamm arrestat wara li l-Ġimgħa li għadda wieġeb mhux ħati għall-akkuża ta’ attentat ta’ qtil ta’ Xuereb.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużat qalilhom li spara fuq Xuereb biex jiddefendi lilu nnifsu, b’rapporti jgħidu li Sultana spara lil Xuereb wara li allegatament iffrodah €7,000.

Fil-qorti żied jingħad li l-vittma sofra ġrieħi serji u li t-tiri ma laqtux organi vitali tal-ġisem. Ġie spjegat li l-vittma ġarrab ġrieħi f’idu, spaltu u f’wiċċu.

Fl-2018 Xuereb tpoġġa taħt ordni ta’ probation wara li nstab ħati li ffroda madwar €15,000 lil bosta b’ċekkijiet foloz. Sena wara huwa ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi wara li nstab ħati li ffroda raġel ieħor €2,000 f’każ li jmur lura għall-2007.

Fil-Qorti bint Xuereb qalet li missierha kellu problema kbira tal-logħob bil-konsegwenza li spiċċa b’dejn kbir. Skontha, għalkemm ħadem ħajtu kollha, huwa kellu jbiegħ tlett idjar biex jagħmel tajjeb għal dan id-dejn u kien mhedded b’ħajtu minn bosta. Ingħad li Xuereb spiċċa vittma tal-użura u dan affettwa wkoll is-saħħa mentali tiegħu.

Għaxar snin ilu, huwa ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati li aggredixxa pulizija u darba ħafif tlieta oħra. Dan seħħ wara li kien involut fi ġlieda fejn darab tliet persuni oħra.