Politika
Il-viżjoni tal-Oppożizzjoni għat-turiżmu hi li tibni fuq it-tajjeb li hemm – Il-Kap tal-PN

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, indirizza l-Forum Nazzjonali tat-Turiżmu, fejn qal li s-settur turistiku huwa kruċjali għal Malta, u li l-pandemija xekklet bil-kbir it-tkabbir f’dan is-settur.

Qal li l-viżjoni tal-Oppożizzjoni hija dik li jibni fuq it-tajjeb li Malta għandha f’dan is-settur.

Dr Grech qal li kawża tat-tnaqqis li ġie reġistrat fit-turiżmu bata l-pajjiż kollu hekk kif id-domanda għal bosta oġġetti naqset.

Tkellem fuq il-viżjoni tal-Oppożizzjoni, li qal saret b’konsultazzjoni wiesgħa mal-istakeholders kollha fis-settur, fejn qal li Gvern Nazzjonalista se jieħu d-deċiżjonijiet iebsin sabiex jissaħħaħ il-prodott turistiku Malti waqt li jagħti iktar poter lil dawk involuti fis-settur.

Qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun ta’ spalla sabiex l-operaturi turistiċi itejbu l-prodott tagħhom, u sabiex jinvestu fir-riżors uman.

Temm jgħid li jemmen illi pajjżina se jkun qed joħroġ minn din l-isfida ferm iktar b’saħħtu milli daħal fiha.