Lokali
Il-vjaġġi bil-cruiseliners jaf jerġgħu jibdew f’Awwissu – x’miżuri ġodda se jittieħdu abbord?

Waqt li l-vjaġġi bl-ajru ser jerġgħu jibdew minn għada, l-industrija tal-cruiseliners li daqs l-industrija tal-avvjazzjoni qalgħet daqqa kbira bil-pandemija, tidher li ser tieħu ftit aktar fit-tul biex terġa tibda tiċċaqlaq. Il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port, Stephen Xuereb qal li fiduċjuż li l-Port l-Kbira ser jerġa’ jilqa’ l-ewwel cruiseliners wara l-pandemija minn Awwissu li ġej.

L-2019 kienet sena rekord għall-passiġġieri li żaru Malta abbord il-cruise liners u din is-sena kellha tkun sena oħra mill-aqwa li kieku ma faqqgħetx il-pandemija ħarbtet din l-industrija wkoll. Fl-aħħar jum tal-emerġenza medika u lejlet li jerġgħu jibdew il-vjaġġi bl-ajru lejn 20 destinazzjoni, il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port, Stephen Xuereb qal lil Television Malta li għalkemm mhux se tkun sena faċli, il-giti bil-cruiseliners jaf jerġgħu jibdew f’Awwissu.

”Qed ikollna xi rikjesti biex jerġgħu jibdew jiġu xi vapuri. Nantiċipaw li forsi naraw l-ewwel vapuri minn Awissu ‘l quddiem, però biex ngħid hekk għad m’għandiex viżibbiltà sew.”

Is-sur Xuereb qal li t-talbiet qed isiru mill-aktar żewġ swieq importanti għall-Malta, l-Italja u l-Ġermanja. Saħaq li mhix ser tkun sena faċli għall-industrija u bassar li sakemm terġa’ tinkiseb il-fiduċja, il-vapuri tal-passiġġieri ser jaħdmu b’kapaċità mnaqqsa ta’ madwar 20%. Spjega li l-cruiseliners kellhom iħejju programmi ġodda għal vjaġġi tagħhom għax xi pajjiżi għadhom ma fetħux il-fruntieri għall-kulħadd.

Mistoqsi dwar x’se jkun qed isir biex tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-passiġġieri, is-Sur Xuereb qal li tħejjew protokolli li ġew approvati mill-awtoritajiet tas-saħħa waqt li fuq il-vapuri se jkun hemm għadd ta’ tibdiliet anke fl-operat.

”Dejjem kien hemm protokolli ta’ iġenje però issa se jidħlu miżuri ġodda bħal daqshekk buffets u limitu tal-passiġieri abbord biex ikun hemm spazju aktar miftuħ, kabini vojta ħalli jekk ikollok każ jista’ ssir iżolament.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port stqarr li l-waterfront li jagħmel parti mill-cruise port beda jieħu r-ruħ bil-ftuħ tar-ristoranti u l-ħwienet tax-xorb. Żied jgħid li fix-xhur li kienu magħluqa, ħatfu l-opportunità biex jagħmlu xogħlijiet ta’ manutenzjoni.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Anzjan ta’ 90 sena kellu jittieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’Birkirkara. Kienu għall-ħabta tas-06:30, meta seħħet kollużjoni fi Triq Dun Karm bejn vettura tal-għamla…

COVID-19

Il-Ministeru għas-Saħħa kkonferma li fl-aħħar 24 siegħa ma ħareġ l-ebda każ ġdid ta’ Coronavirus f’Malta mentri ġiet imfejqa mill-virus persuni oħra. Każi attivi ta’ coronavirus fadal biss 12 hekk kif…

Politika

L-Avukat Ramona Attard, ex ġurnalista u uffiċjal fl-uffiċċju tal-Prim Ministru se tikkontesta għall-kariga ta’ President għall-Partit Laburista. In-nomini fetħu l-Ġimgħa filgħaxija u se jagħlqu l-Ħadd fil-11 a.m. Fuq il-midja soċjali, Attard…

Aktar